Futbol Sport

Man City eqreb li jiddefendu t-titlu ta’ Champions wara wirja stupenda f’Goodison Park

(Ritratt: EPA)

Manchester City jeħtieġu biss rebħa waħda biex iżommu t-titlu bħala Champions tal-Ingilterra u wara li huma ġabu fix-xejn lil Everton, 3-0, f’Goodison Park. Dan wara li Arsenal, li kienu ilhom xhur bhala ‘front runners’ tal-kampjonat ċedew l-armi b’telfa kerha u embarazzanti f’darhom (0-3) ma’ Brighton. Fil-fatt, is-Citizens ta’ Pep Guardiola, li issa għandhom vantaġġ ta’ erba’ punti fuq Arsenal ( u b’logħba anqas), ikunu garantiti mit-tielet titlu fi staġuni konsekuttivi f’każ li huma jiksbu tliet punti biss mit-tliet logħbiet li fadlilhom fil-kampjonat u fejn jeħtieġu jegħlbu lil xi ħadd minn Chelsea, Brighton u Brentford.

L-ewwel ċans kbir f’Goodison Park kien ta’ Mason Holgate, id-difensur ta’ Everton, li xeħet barra banalment mill-viċin wara li spiċċa żmarkat quddiem il-gowlkiper Ederson. U għalkemm City kellhom bidu kwiet, il-kwalità tat-tim dejjem kien se jkun element deċiżiv f’mumenti bħal dawn – u fejn huma, fil-fatt, organizzaw ruħhom aħjar biex skurjaw darbtejn fi spazju ta’ żewġ minuti. Dan meta l-midfielder Ġermaniż. Ilkay Gundogan – il-plejer tal-logħba – għeleb lil Pickford bi flick sublimi (37), qabel ipprovda assist lil Erling Haaland biex jirdoppja bir-ras mill-viċin u għat-2-0 sal-mistrieħ. Fit-tieni taqsima, Everton – li għadhom f’periklu serju li jitilfu posthom fl-ogħla diviżjoni għall-ewwel darba fl-istorja tal-klabb – ippruvaw iwettqu reazzjoni iżda mill-ġdid kienu City, jew aħjar Gundogan, li aċċertaw mir-rebħa b’azzjoni oħra brillanti. It-tielet gowl fil-fatt wasal grazzi għal freekick mogħti b’teknika kbira mill-plejer Ġermaniż u li ma ta l-ebda ċans lil Pickford – bil-logħba titlef l-interess proprju minn dak il-ħin. Intant, Everton qed jiffaċċjaw l-aħħar żewġ konfronti tal-istaġun bħala ‘finali’ u fejn jeħtieġu l-punti massimi peress li jinsabu punt wieħed biss ‘il fuq miz-zona l-ħamra.

U waqt li Man City huma viċin ħafna l-ħames titlu f’dawn l-aħħar sitt snin, hu minnu li t-tim ta’ Guardiola, issa, għandhom ċans akbar li jirrepetu t-‘treble’ storiku ta’ Manchester United, li fl-istaġun 1998-99 kienu rebħu l-kampjonat Ingliż, l-FA Cup u ċ-Champions League.Fil-fatt se jkunu United li se jagħmlu minn kollox biex jiċħdu lil City mit-treble meta huma jikkonfrontawhom fil-finali tal-FA Cup li tintlagħab f’Wembley Stadium fil-bidu tax-xahar id-dieħel,. Dan meta City, issa, qed jikkonċentraw fuq it-tieni leg tas-semi-finali taċ-Champions League kontra Real Madrid wara li l-ewwel konfront kien spiċċa 1-1 fl-Estadio Bernabeu.

Arsenal prattikament tilfu kull tama li jsiru champions wara li sofrew telfa kbira ma’ Brighton fl-Emirates Stadium – bit-tliet gowls tas-Seagulls jaslu kollha fit-tieni taqsima. Din kienet logħba frustranti għall-aħħar għall-Gunners ta’ Mikel Arteta li bilfors kellhom jirbħu biex iżommu l-pass ma’ Man City – b’Leandro Trossard jolqot il-lasta kontra l-eks-klabb tiegħu u b’Martin Odegaard u Bukayo Saka ukoll imorru viċin għal Arsenal. Iżda l-Gunners sfaxxaw kompletament wara li Julio Enciso (51) ta l-vantaġġ lil Brighton b’daqqa ta’ ras mill-viċin fuq il-kross ta’ Mitoma – bis-Seaglls iżidu gowl ieħor mis-sostitut Deniz Unday li ħames minuti mit-tmiem, illobbja l-ballun minn fuq ras il-gowlkiper Aaron Ramsdale.
Il-gowl iddemoralizza għal kollox lil Arsenal u sitt minuti fuq il-ħin, Brighton għamluhom 3-0 grazzi għal Perviz Estupinan – u b’din ir-rebħa ttella’ lis-Seagulls fis-sitt post tal-Premier Ingliż fejn għandhom erba’ punti anqas minn Liverpool u wara li huma lagħbu bogħba anqas mir-Reds.

(Manchester City, nhar il-Ħadd li ġej, kapaċi jagħlqu kull diskors dwar id-destinazzjoni tat-titlu jekk kemm-il darba huma jegħlbu lil Chelsea fl-Etihad Stadium – u irrispettivament mir-riżultat tal-konfront tas-Sibt bejn Arsenal u Nottingham Forest fis-City Ground. Fil-fatt,. is-Citizens jistgħu jkunu konfermati champions minn qabel il-logħba tal-Ħadd f’każ li Forest jirnexxilhom jieħdu t-tliet punti lil Arsenal).

Brentford komplew fit-triq tar-rebħ – din id-darba għall-ispejjeż ta’ West Ham United li għadhom mhumiex matematikament ċerti li jsalvaw, anki jekk huma għandhom vantaġġ komdu fuq l-aħħar tliet tims fil-klassifika.
Il-Bees marru fil-vantaġġ wara 20 minuta meta Bryan Mbeumo għeleb lil Lukasz Fabianski mill-qrib u għas-seba’ gowl personali tal-istaġun. It-tim ta’ Thomas Frank baqa’ jiddomina u meritatament irdoppja qabel il-mistrieħ meta oane Wissa (43) mill-ġdid għeleb lil Fabianski fuq l-assist ta’ Ben Mee. B’din ir-rebħa, Brentford jinsabu fid-disa’ post tal-Premier League, b’kollox jindika li l-Bees se jagħlqu l-impenji tagħhhom fl-ogħla pożizzjoni qatt miksuba mill-klabb tul l-eżistenza tiegħu. Dan ukoll meta West Ham, issa, qed jippreparaw għall-Europa Conference League meta huma, nhar il-Ħamis, jilgħabu t-tieni leg tas-semi-finali kontra t-tim Olandiż AZ Alkmaar u wara li l-Hammers kienu rebħu l-ewwel konfront f’Londra, 2-1.

Ilbieraħ: Leeds v Newcastle 2-2, Southampton v Fulham 0-2, Chelsea v Nott Forest 2-2, Aston Villa v Tottenham 2-1, Man Utd v Wolves 2-0, C’Palace v West Ham 2-0
Illum: Everton v Man City 0-3, Brentford v West Ham 2-0, Arsenal v Brighton 0-3
Għada: Leicester v Liverpool 9.00pm