Lokali

Qed idejqek l-istorbju? Il-Viċi Sindku tal-Belt jissuġġerixxi biex jitwaddab barmil ilma

L-unika soluzzjoni li l-Kunsill Lokali Laburista tal-Belt Valletta għandu għar-residenti Beltin dwar l-istorbju sas-sigħat bikrin ta’ filgħodu hu li wieħed iwaddab barmil ilma biex igerxu lin-nies ‘l hemm.

F’post fuq Facebook, residenta lmentat kif l-istorbju qed ikun insapportabbli hekk kif din is-sitwazzjoni mhix ta’ darba iżda ta’ kull lejl. Bis-soluzzjoni tal-Viċi Sindku, Ray Azzopardi tkun li twaddab barmil ilma.

“Għal darb’oħra, lesti barmil ilma,” qal Ray Azzopardi.

Wara dan il-kumment, numru ta’ residenti kkritikaw il-mod li bih tkellem Azzopardi hekk kif jidher li m’għandhomx soluzzjoni oħra għajr ir-residenti jieħdu l-liġi b’idejhom.

Huma qalu kif il-Gvern ta’ Robert Abela ġab lill-Belt kapitali mandra filwaqt li ġie jaqa’ u jqum mir-residenti.

Is-sena l-oħra, il-Gvern kien impona Avviż Legali dwar id-daqq tal-mużika sas-1am fil-Belt Valletta, bi stħarriġ li kien sar wera li madwar 60% ta’ dawk illi pparteċipaw wieġbu li ma jaqblux ma’ dan il-pass egoistiku tal-Gvern.

Il-Ministru tat-Turiżmu, Clayton Bartolo dejjem tkellem favur il-mużika għolja fil-Belt Valletta għaliex għalih, grazzi għall-mużika li qed tindaqq fit-toroq, il-Belt qed tingħata l-ħajja.

Tul din il-kontroversja sħiħa, il-Partit Nazzjonalista dejjem kien fuq in-naħa tar-residenti hekk kif jifhem kemm dan l-istorbju qed ikisser ħajjet il-Beltin. Il-Kelliem tal-PN għat-Turiżmu, Robert Arrigo kien qal li wieħed għandu jieħu ħsieb il-bżonnijiet tal-belt kapitali li tant tilqa’ Maltin u barranin hekk kif il-Belt għandha tkun post fejn il-mużika ma tinbidelx fi storbju.