Prim Ministru kompletament mifxul… m’għandu l-ebda soluzzjoni għall-problemi veri li l-familji Maltin u Għawdxin għaddejjin minnhom tant li kompletament injora l-isfidi li kull Malti qed jgħaddi minnhom.
F’diskors mimli ftaħir dwar kemm skont hu, il-Gvern Laburista imexxi minnu hu Gvern li jisma’, Robert Abela ma ta l-ebda soluzzjoni għas-sitwazzjonijiet li verament qed jaffettwaw u jinkwetaw lill-poplu Malti u Għawdxi… bħall-għoli tal-ħajja, in-nuqqas ta’ riżorsi fil-Korp tal-Pulizija u l-qrati, u s-sitwazzjoni diżastruża fis-settur tas-saħħa; b’diversi mediċini li jinsabu out-of-stock u nuqqas ta’ ħaddiema fl-isptarijiet b’detriment għal-pazjent.
Waqt intervista li saritlu fuq ir-radju tal-istazzjon ONE, Robert Abela ammetta li l-isfida tal-għoli tal-ħajja hija sfida li qed taffettwa lil kulħadd…. iżda minkejja dan, Abela ma ta ebda soluzzjoni.
Robert Abela ma għamel ebda referenza għall-iskandlu tad-deal li sar bejn Gvern Laburista u Steward fejn il-poplu Malti għadu ma ħa ebda ċenteżmu lura mill-miljuni li nsterqu f’dawn l-aħħar tmien snin. U dan apparti li l-isptarijiet jinsabu fi stat diżastruż u ma jidher li hemm l-ebda pjan biex din is-sitwazzjoni tissolva.
Issa għaddew ġranet minn mindu saret pressjoni mill-Partit Nazzjonalista fuq il-Kummissarju tal-Pulizija sabiex isir investigazzjoni fuq dawk kollha involuti fl-akbar skandlu politiku li pajjiżna qatt kien xhieda tiegħu fl-aħħar snin.
Iżda fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela minflok ta r-reazzjoni tiegħu dwar x’azzjoni se jkun qed jiħeu fil-konfront tal-persuni li issemmew fil-Qorti – Infexx jattakka lill-Partit Nazzjonalista għaliex qed jagħmel dmiru biex jipproteġi lill-Maltin.
Il-Partit Nazzjonalista ilu snin twal jiġġieled qatiegħ kontra il-ħadma frawdolenti tal-Gvern ta’ Robert Abela ma’ Steward u Vitals li swiet lill-poplu Malti u Għawdxi mal-400 mitt miljun ewro.
Robert Abela lanqas ma għamel ebda referenza għall-karba li qed issir biex tinħatar inkjesta pubblikia dwar il-mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia
U lanqas kelma waħda dwar l-iskandlu tal-Bank Pilatus u l-cover-up li fih kien hemm involuti l-Kumissarju tal-Pulizija Angelo Gafa u l-Avukat Ġenerali Victoria Buttigieg. Fejn Abela stess ammetta li huwa kien l-avukat tal-familja ta’ waħda mid-Diretturi tal-bank Pilatus Antoniella Gauci.
//= $special ?>