Lokali

Żewġt irġiel arrestati wara li heddew b’arma u serqu sewwieq ta’ cab qabel serqu l-vettura tiegħu

Ritratt: Mill-Arkivji

Żewġt irġiel, wieħed ta’ 33 sena residenti l-Imsida u ieħor ta’ 53 sena residenti l-Mosta, ġew arrestati wara li heddew b’arma u serqu sewwieq ta’ cab qabel serqu l-vettura tiegħu stess.

Il-każ seħħ għall-ħabta tad-disgħa tal-bieraħ filgħaxija, meta l-Pulizija ġew infurmati li hemm bżonn l-assistenza fi Triq il-Wied Tal-Imsida, l-Imsida.

Mill-investigazzjonijiet illi saru rriżulta li persuna kienet bbukkjat is-servizz ta’ cab, fejn kif wasal ix-xufier fil-post, wieħed mill-irġiel daħal fil-karozza u allegatament heddu b’arma u talbu l-flus. Wara li tah il-flus, hu ordna lix-xufier biex jinżel mill-karozza u l-ħalliel ħarab biha mill-post.

Minnufih bdiet tfittxija għall-vettura u madwar siegħa wara, din ġiet iċċirkondata fi Triq il-Ħarrub u ħdejn il-vettura nstabu żewġt irġiel, wieħed minnhom, l-allegat persuna li wettqet is-serqa.

Iż-żewġt irġiel ġew arrestati u saret tfittxija fuqhom fejn ġew elevati diversi oġġetti b’rabta mal-investigazzjonijiet dwar dan il-każ.

Huma qegħdin jinżammu fil-lockup tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana għal aktar stħarriġ. B’rabta ma’ dan il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia.