Lokali

Anzjana fil-periklu tal-mewt wara li kienet involuta f’inċident li fih weġġgħu tliet persuni

Anzjana ta’ 79 sena qed tissielet għal ħajjitha wara li kienet involuta f’inċident li seħħ lbieraħ, għall-ħabta tas-sitta ta’ filgħaxija fi Triq Ħal Far, Ħal Far.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post, fejn irriżulta li seħħet ħabta bejn vettura Toyota Passo, misjuqa minn raġel ta’ 45 sena residenti Ħal Għaxaq u Opel Astra, misjuqa minn raġel ta’ 36 sena residenti Birżebbuġa.

Flimkien mar-raġel ta’ 36 sena kien hemm mara ta’ 40 sena residenti Birżebbuġa, tifel ta’ għaxar snin u tifla ta’ seba’ snin. Passiġġieri fit-Toyota Passo kien hemm tliet nisa ta’ 79, 70 u 44 sena, tnejn residenti Ħal Għaxaq u waħda tgħix Ħal Luqa, kif ukoll żagħżugħ ta’ 14-il sena.

Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili kif ukoll tim mediku, u ambulanzi ħadu lill-persuni midruba l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura. Aktar tard, il-mara ta’ 79 sena ġiet iċċertifikata li weġġgħet serjament u tinsab fil-periklu tal-mewt filwaqt li l-mara ta’ 70 sena u ż-żagħżugħ ġew iċċertifikati li weġġgħu ħafif.

Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia li ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.