Raġel b’rabja kbira u li kellu argument fuq kwistjoni ta’ proprjetà mal-eks sieħba tiegħu, hedded li “jħanxrilha griżmejh” u “jagħmlilha lilha kif għamlu lil Bernice,” semgħt il-Qorti. It-theddid baqa’ għaddej għaddej u l-affarijiet żdiedu meta nhar il-Ħamis li għadda deliveryman ta’ 34 sena mar lura fid-dar fejn qabel kien jgħix mal-eks sieħba tiegħu biex jiġbor xi affarijiet personali.
Fit-13 ta’ Mejju, il-mara marret fit-taqsima tal-vjolenza domestika biex tippreżenta rapport. Qalet li l-attitudni tiegħu nbidlet minn mindu beda jikkunsma l-alkoħol. Ir-raġel sar aggressiv, kisser oġġetti ta’ ċerta portata mill-proprjetà li kienet tat-tnejn.
Kien jhedded ukoll li “joqtolha u jħanxrilha griżmejha”. Kien jgħid lill-ex tiegħu, “Nagħmel lilek bħalma għamlu lil Bernice.” Bernice Cassar hija l-mara li nqatlet Raħal Ġdid f’Novembru li għadda, li żewġha qed jiġi mixli bol-qtil tagħha. Quddiem dak ir-rapport, il-pulizija aġixxiet malajr, u kisbet mandat ta’ arrest kontra s-suspettat. Ir-raġel, li ismu qed jinżamm milli jixxandar biex tissalvagwardja l-identità tal-vittma, ammetta li uża vjolenza, inkluż vjolenza morali jew psikoloġika fuq il-vittma, insulentaha u heddidha.
Wara li kkonsulta lill-avukat tiegħu, l-akkużat ammetta u kkonferma l-ammissjoni tiegħu wara li ngħata żmien biex jerġa’ jaħsibha. Il-ħaddiema soċjali kienu vvalutaw il-każ bħala riskju medju. L-avukat tiegħu Jason Grima sostna li l-argument kien inqala’ meta r-raġel mar jiġbor xi affarijiet u sab il-bibien msakkra.
L-ispettur Audrey Micallef irribattat li l-bibien ma kinux imsakkra. L-akkużat kellu problema bl-alkoħol bl-eks tiegħu takkumpanjah is-Sedqa u anke psikjatra. Iżda huwa rrifjuta l-pilloli preskritti jew inkella ħahom mal-alkoħol. Il-Maġistrat Natasha Galea Sciberras spjegat lill-akkużat li kien hemm modi oħra kif tiġi ttrattata kwalunkwe kwistjoni iżda żgur mhux billi jirrikorri għall-vjolenza.
Il-Qorti wissiet ukoll li l-ħabs kienet piena possibbli f’dan il-każ. Ma xtaqitx li jiddispjaċiha li tat ċans lill-akkużat. L-avukat tiegħu qal li r-relazzjoni tal-koppja spiċċat. Kulma kellhom bżonn biex jirranġaw kien il-proprjetà komuni tagħhom sabiex it-tnejn ikunu jistgħu jkomplu jgħixu separtament.
Wara li semgħet is-sottomissjonijiet u fid-dawl tal-fedina penali mhux allarmanti tiegħu, i-fatt li kien ikkopera, u anke minħabba li l-prosekuzzjoni ma nsistix fuq sentenza ta’ ħabs effettiva, il-Qorti poġġietu taħt probation għal sentejn u nofs. L-akkużat tpoġġa wkoll taħt ordni ta’ trażżin għall-istess terminu u l-Qorti wissietu biex ma javviċinax jew jikkomunika mal-vittma bl-ebda mod.
//= $special ?>