Internazzjonali

Il-Belarus: Lukashenko mill-ġdid suġġett għall-ispekulazzjoni

L-Uffiċċju tal-Presidenza f’Minsk mhux jikkummenta dwar l-ispekulazzjoni li għaddejja dwar il-President tal-Belarus, Alexander Lukashenko, li jingħad qed ibati minn problemi ġodda tas-saħħa.

L-ispekulazzjoni żdiedet wara li l-Mexxej awtokratiku – alleat tal-President Russu Vladimir Putin – fi tmiem il-ġimgħa ma attendiex għal ċelebrazzjoni kbira fuq livell Statali f’Minsk u fejn minfloku kellu jaqra messaġġ il-Prim Ministru tal-Belarus, Roman Golovchenko.

Fis-snin preċedenti, Lukashenko ma tilifx okkażjoni biex jagħmel diskors waqt il-Jum iddedikat lill-Innu u l-Bandiera Nazzjonali tal-Belarus. Intant, proprju ftit jiem ilu, hu kellu jitlaq malajr minn Moska dritt wara l-parata annwali ta’ Jum ir-Rebħa li kien qed ikun iċċelebrat fir-Russja. Ma ngħatatx raġuni għal dan jew għall-fatt li Lukashenko, dakinar, ma attendiex ikla ma’ Putin fil-kapitali Russa,

Intant, xi sorsi qrib l-Oppożizzjoni fil-Belarus qalu li Lukashenko, matul il-lejl tas-Sibt, kien żar ċentru mediku barra Minsk, iżda dan ma kienx ikkonfermat mill-mezzi indipendenti.