Internazzjonali

Il-Gwerra fl-Ukrajna: Żjara ta’ Zelensky fir-Renju Unit – b’Londra qed taħseb għal aktar għajnuna militari lill-Gvern fi Kiev

Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky kompla biż-żjarat fl-Ewropa fejn qed jesprimi ringrazzjament lill-Alleati tal-Punent li qegħdin jgħinuh militarment biex jiġġieled lill-qawwiet Russi li invadew pajjiżu. Fl-istess ħin, Zelensky qed jaġġorna lill-Mexxejja tal-Ewropa dwar l-aħħar żviluppi fil-gwerra tal-Ukrajna fost l-enfasi għal koalizzjoni ta’ pajjiżi li fil-futur għandha taċċerta s-sigurtà fl-Ewropa u anki ‘il hinn minnha.

Zelensky – wara ż-żjarat fl-Italja u l-Ġermanja – fl-aħħar sigħat kellu t-taħditiet mal-Prim Ministru Britanniku, Rishi Sunak, fir-residenza ta’ Chequers, qrib ta’ Londra. Dan waqt li Sunak  għamilha ċara li r-Renju Unit, li kien fost l-ewwel pajjiżi li offra l-appoġġ sinifikanti lill-poplu ta’ Zelensky, se jibqa’ sod u konsistenti bħala ‘alleat ewlieni tal-Ukrajna’.

Min-naħa tiegħu, Zelensky irringrazzja ‘minn qigħ qalbu’ lir-Renju Unit u l-poplu tiegħu għall-appoġġ kollu li taw lil pajjiżu. Dan waqt li l-Gvern Britanniku impenja l-mijiet tal-missili għal kontra l-attakki mill-ajru flimkien ma’ attack drones bħala estensjoni tal-pakkett tal-għajnuna militari  lill-Ukreni.

Sunak u Zelensky, waqt il-laqgħa, iddiskutew l-arranġamenti tas-sigurtà meħtieġa fl-Ukrajna biex dan il-pajjiż ikun jista’ jiddependi fuq difiża fit-tul kontra xi aggressjoni futura min-naħa tar-Russja. Zelensky f’dan il-punt. insista biex pajjiżu jingħata l-fighter-jets mingħand il-Punent li għandhom ikunu importanti ferm għall-Ukreni biex jikonsolidaw id-difiżi ta’ pajjiżhom.

Il-Prim Ministru Britanniku wieġeb li r-Renju Unit għandu jkun membru ewlieni ta’ koalizzjoni ta’ pajjiżi bid-dover li tipproteġi lill-Ukrajna – għalkemm, fl-istess ħin, wissa li mhix se tkun daqstant faċli li l-koalizzjoni tikkonsolida l-iskwadri tal-ajruplani għall-kumbattimenti b’mod li dawn iwieġbu għal kull kriżi fuq il-livell ta’dak li għaddej bħalissa fl-Ukrajna.

Madankollu, Sunak ikkummenta wkoll li r-Renju Unit ‘dalwaqt’ għandu jibda jħarreġ lill-piloti mal-qawwiet tal-ajru Ukreni li għadhom qed jiddependu fuq l-ajruplani li jmorru lura għall-era Sovjetika. Dan wara li l-Gvern Ukren talab kemm-il darba lill-Punent biex jipprovdilu l-ajruplani militari aktar moderni bħala strument importanti għad-difiża ta’ pajjiżu.