Il-Partit Nazzjonalista, permezz tal-Kelliem għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli u l-Ġlieda Kontra l-Faqar Ivan Bartolo, ippreżenta Private Member’s Bill bil-għan li jkun hawn tnaqqis fil-ħela tal-ikel u anke l-iskart tal-ikel.
Ċifri uffiċjali tar-rata tal-AROPE, jiġifieri tal-persuni fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali f’Malta, fl-2022 qabżet l-20% tal-popolazzjoni u meta wieħed iqis li, skont ċifri uffiċjali, kull persuna tiġġenera madwar 135 kilogramma ta’ skart tal-ikel kull sena fil-livell tal-unitajiet domestiċi, jixraq li pajjiżna jieħu azzjoni immedjata biex jiżgura li l-ikel bħala riżorsa essenzjali għal soċjetà b’saħħitha u għajxien sostenibbli, jitqassam bl-anqas ħela possibbli fost il-popolazzjoni kollha u li l-ebda ċittadin ma jkun imċaħħad minħabba l-qagħda soċjali jew finanzjarja tiegħu.
Il-Partit Nazzjonalista, b’ħidma li qed issir mid-Deputat responsabbli minn dawn id-dekasteri, poġġejna fuq nett tal-ħidma tagħna lil min baqa’ lura fil-ħajja u permezz ta’ dan l-abbozz ta’ liġi ħsibna li kulħadd ikollu aċċess għal ikel san u nutrittiv. Mill-banda l-oħra, biex dan iseħħ neħtieġu impenn sabiex jitrażżan il-ħela tal-ikel.
L-abbozz jindika li b’mod ċar li jeħtieġ li:(a) jiġi mħeġġeġ l-irkupru u d-donazzjoni tal-ikel żejjed għall-iskop ta’ solidarjetà soċjali fost il-bnedmin;(b) jitrażżnu l-impatti negattivi fuq l-ambjent u r-riżorsi naturali billi jitwettqu azzjonijiet li jnaqqsu l-ħela tal-ikel u l-ġenerazzjoni tal-iskart mill-ikel;(c) jiġi promoss l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-ikel bil-għan li jitwal iċ-ċiklu tal-ħajja tal-ikel; u(d) jiġu promossi r-riċerka u l-għarfien ta’ informazzjoni fost il-konsumaturi dwar il-materji kollha li huma meħtieġa biex jitnaqqas il-ħela tal-ikel u l-ġenerazzjoni tal-iskart mill-ikel.
L-abbozz ta’ liġi hu msejjes fuq is-solidarjetà. Liġi li tgħin fit-tibdil tal-klima.
Din hi l-politika tal-Partit Nazzjonalista, li timxi paripassu ma’ politika ambjentali żvilupp sostenibbli u l-ewwel pass biex nibdew neredikaw il-faqar.
Flimkien mad-Deputat Ivan Bartolo, għall-preżentazzjoni ta’ dan l-abbozz lill-Ispeaker tal-Kamra Anġlu Farrugia kien hemm il-Whip tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista Robert Cutajar u l-Kelliem għall-Agrikoltura u s-Sajd Toni Bezzina.
//= $special ?>