Lokali Parlament

Il-PN jibqa’ l-gwardjan tal-ambjent

Janice Chetcuti, PN

Id-deputat Nazzjonalista Janice Chetcuti qalet fil-parlament li bil-politika tiegħu, il-PN jrid jibqa’ l-gwardjan tal-ambjent fil-pajjiż.

Janice Chetcuti qalet li l-Kummissjoni Ewropea rreferiet lil Malta lill-Qorti Ewropea minħabba li ma mxietx mad-direttiva dwar it-trattament tal-ilma tad-drenaġġ. Dan minħabba li kien hemm rapporti li ilma mhux trattat qed joħroġ fil-baħar; Malta kellha tkun konformi ma’ din id-drettvia snin ilu.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-ammont inkredibbli ta’ skart tal-kostruzzjoni qed ikun mormi fil-baħar; dan l-ammont jammonta għal iktar minn ħames miljun tunnellata. Din hi forma ta’ Magħtab ieħor taħt qiegħ il-baħar, sostniet id-deputat Nazzjonalista li staqsiet x’inhu l-pjan fejn se jkompli jitrema’ dan l-iskart.

Id-deputat Nazzjonalista appellat biex l-uffiċjali ta’ infurzar ambjentali għadhom ikunu dejjem fuq alert biex jaqbdu lill-persuni li jabbużaw. Hi kompliet li l-gvern mhux iwieġeb jekk it-taqsima ta’ infurzar ambjentali hix qed topera wkoll f’Għawdex.

Janice Chetcuti appellat biex il-problema tar-riħ qawwi tkun kumbattuta partikolarment minħabba skart mhux mgħotti fil-Magħtab; dan l-iskart spiċċa madwar kullimkien anki fil-baħar. Fost dan l-iskart kien hemm ammont ta’ plastic li joħloq problemi ambjentali kbar u problemi lill-annimali li jieklu dan il-plastic għax jaħsbuh ikel,

Malta qed tirriċikla biss il-minumu dispensabbli ta’ plastic; għalhekk hemm bżonn ħidma qawwija immedjata. Episodji bħal dawk tal-Magħtab m’għandhomx jirrepetu, sostniet id-deputat Nazzjonalista, li kompliet li l-NGOs qed jappellaw biex l-ambjent ikun protett. It-tniġġiż jikkontamina lill-bniedem u lill-annimali fejn 60% jirriżulta inn plastic li jintuża darba biss.

Parti mill-Mediterran qed ikun mifni minn tunnellati kbar ta’ ċomb, merkurju u drenaġġ fost problemi oħra; Malta tinsab propju fin-nofs tal-Mediterran.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-ispazji ħodor huma importanti ħafna u għalhekk għandu jsir bilanċ bl-iżbilanċ li l-gvern ħoloq fl-aħħar snin. Hi kkritikat il-bejgħ ta’ spazji ħodor fil-Mellieħa mill-gvern u l-qerda ta’ ammont kbir ta’ siġar fil-Fgura meta dawn kienu parti mill-estitika taż-żona.

Id-deputat Nazzjonalista qalet li l-PN hu l-gwardjan tal-ambjent u sostniet li hu importanti li l-pajjiż ma jkomplix jitlef iktar mill-ambjent tiegħu. Il-PN hu l-partit li jsib it-triq tan-nofs fis-settur ambjentali biex il-poplu jgħix ħajja aħjar.