Raġel ta’ dixxendenza Maltija li joqgħod Southampton hu mfittex mill-Pulizija Ingliża b’rabta mal-investigazzjoni dwar omiċidju. Il-vttma hu Mark Noke ta’ 64 sena li miet b’daqqiet ta’ sikkina f’sidru fis-sigħat bikrin tas-Sibt 25 ta’ Frar fid-dar tiegħu f’Warburton Road, Thornhill.
Leighton Tabone, ta’ 23 sena, huwa wkoll imfittex talli kiser il-kundizzjonijiet tiegħu b’rabta ma’ reat li kkommetta s-sena l-oħra meta kien fil-pussess ta’ sikkina li nstab ħati dwaru s-sena l-oħra. Il-Pulizija filwaqt li qed tappella biex min għandu informazzjoni dwar fejn jinsab Tabone jagħmel kuntatt magħha, qed tgħid ukoll li għandu rabtiet sew mal-kommunitajiet ta’ Southampton u Gosport.
Il-pulizija x-xahar li għadda kienet żvelat li sebat irġiel ġew arrestat b’rabta mal-każ u jistgħu jiġu arrestati persuni oħra. Tabone huwa deskritt mill-Pulizija li huwa twil 5 piedi 11-il pulzier, irqiq, b’xagħru qasir u bjond, għandu l-mustaċċi u ‘goatee’, iżda jista’ jkun bidel id-dehra tiegħu. L-avviż tal-Pulizija jgħid ukoll li għandu għajnejh kannella.
L-Aġent tal-Pulizija, Howard Broadribb, li qed imexxi l-investigazzjoni, qal: “Irridu nitkellmu ma’ Leighton b’rabta mal-mewt ta’ Mark u nħeġġuh biex jagħti ruħu b’idejh. Nixtieq ukoll infakkar lil kull min jospita lil Leighton li jista’ jkun qed jagħmel reat u jista’ jiġi arrestat hu wkoll. “Jekk tarah, tersaqx lejh – ċempel id-999 immedjatament.”
Hu kompla jgħid li l-uffiċjali għamlu minn kollox biex isibuh, “u issa qed nirrikorru għall-pubbliku għall-għajnuna tagħhom. Jekk taf fejn jinsab, jekk jogħġbok ikkuntattjana direttament jew b’mod anonimu permezz ta’ Crimestoppers. “Uffiċjali extra qed ikunu ‘on patrol’ fiz-zona ta’ Thornhill wara l-mewt ta’ Mark.” Mark Noke ngħata daqqiet ta’ sikkina f’sidru fis-sigħat bikrin tas-Sibt, 25 ta’ Frar. Hu nstab bi ‘ġrieħi serji’ fl-appartament tiegħu fi Warburton Road.
F’Marzu li għadda l-Pulizija ta’ Hampshire ikkonfermat li mara ta’ 29 sena minn Southampton ġiet arrestata fuq suspett li għenet lil ħati. Hi ngħatat il-ħelsien mill-arrest sakemm isiru aktar inkjesti. Mara oħra ta’ 27 sena minn Gosport, li ġiet arrestata wkoll f’Marzu fuq suspett li għenet lil xi ħati, ingħatat il-ħelsien permezz ta’ Police Bail.
L-aħħar arresti saru wara li sitt irġiel oħra, ta’ 21, 23, 28, 31 u tnejn ta’ 20 sena, ġew arrestati fuq suspett ta’ qtil bħala parti mill-każ. Filwaqt li raġel ta’ 39 sena arrestat preċedentement fuq suspett li jassisti lill-ħati ngħata wkoll il-ħelsien mill-arrest. L-istess żagħżugħ ta’ dixxendenza Maltija f’Mejju ta’ sentejn ilu kien weħel 18-il xahar ħabs wara li ammetta li fera teenager b’daqqiet ta’ mus f’Thornhill ukoll.
//= $special ?>

