Lokali Parlament

Il-Gvern jirrifjuta żewġ seduti dwar ir-rapport tal-NAO fuq l-isptarijiet iżda ried biss seduta ta’ malajr llum

Ftit minuti wara li t-tielet rapport voluminuż tal-Awditur Ġenerali dwar il-kuntratti tal-isptarijiet tpoġġa fuq il-medja tal-Kamra, il-gvern irrifjuta li dan ikun diskuss f’żewġ seduti għada u pitgħada u ried biss li dan ir-rapport ta’ iktar minn 400 paġna jkun diskuss f’seduta waħda llum stess.

Kien il-Whip tal-Gvern Andy Ellul li qal li l-gvern irid li dan ir-rapport ikun diskuss dak il-ħin stess anki jekk is-seduta tkun sospiża għal siegħa sakemm issir analiżi tar-rapport.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-Oppożizzjoni hi disposta li dan ir-rapport ikun diskuss fil-parlament iżda l-affarijiet għandhom iridu jsiru b’mod serju. Għalhekk il-proposta tal-Oppożizzjoni hi biex ir-rapport ikun diskuss għada u pitgħada f’seduti parlamentari apposta. Dan minħabba li r-rapport hu wieħed voluminuż u jimmerita analiżi.

Il-Whip Laburista Andy Ellul oppona din il-proposta u nsista li r-rapport ikun diskuss fi żmien siegħa dak il-ħin stess.

Il-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar ippropona li l-Gvern u l-Oppożizzjoni jressqu mozzjoni flimkien biex dan ir-rapport ikun diskuss għada u pitgħada u sostna li l-gvern qed jirrifjuta li jsiru dawn is-seduti.

Minħabba li ma kienx hemm qbil, id-diskussjoni ma saritx.