Lokali

“Is-sitema ġudizzjarja ta’ pajjiżna teħtieġ riformi biex issir aktar effiċjenti” – Repubblika

Is-sistema ġudizzjarja f’pajjiżna teħtieġ riforma biex issir aktar effiċjenti u effettiva… u jekk il-Gvern ma jaqbadx f’daqqa dawn iż-żewġ aspetti, u jagħmel riforma ħolistika, se jkompli jaggrava s-sitwazzjoni attwali ta’ sistema ġudizzjarja li mhix taħdem kif meħtieġ fid-demokrazija tagħna.

Dan kien il-qofol tal-messaġġ li wassal il-President tal-Għaqda Repubblika Robert Aquilina meta indirizza konferenza tal-aħbarijiet quddiem il-Ministeru tal-Ġustizzja. Dan hekk kif ir-riforma li qed jipproponi l-Gvern għal dan is-settur mhi xejn qrib dak li jemmnu li verament hemm bżonn isir.

Huwa qal li fost il-proposti tal-Gvern jissemma l-bżonn li jkun hemm giljottina ta’ sena fuq il-kumpilazzjonijiet filwaqt li jieqfu r-rinviji bejn il-Qorti u l-Avukat Ġenerali.

Quddiem dan kollu Repubblika qed tipproponi għaxar soluzzjonijiet sabiex verament ikun hemm riforma fi ħdan is-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna:

  1. Indipendenza vera tal-AĠ. Il-gvern jieqaf jindaħal biex jipproteġi lill-politiċi u min jixtrihom
  2. Separazzjoni ċara bejn investigaturi u prosekuturi u inċentivi biex l-AĠ jimpjega l-aqwa avukati tal-pajjiż
  3. Taħriġ aħjar għall-pulizija dwar ix-xogħol tal-qorti
  4. Maġistrati speċjalizzati: separazzjoni bejn il-Maġistrati tal-Qorti Ċivili u tal-Qorti Kriminali
  5. Fejn possibbli ix-xhieda tinstema’ barra l-qorti
  6. Aktar riżorsi għall-Qorti: awli ġodda (f’binijiet differenti għall-qrati differenti); aktar traskritturi, arkivisti, periti/esperti,
    reġistraturi: ma jistax ikun nibqgħu nitqammlu bil-ġustizzja, qed ibati kulħadd.
  7. Pulizija ġudizzjarja li taħdem għall-Maġistrat Inkwirenti: nistudjaw il-possibiltà li l-Maġistrat Inkwirenti jkun parti jew
    imexxi l-prosekuzzjoni.
  8. Indipendenza tal-Maġistrat li jagħżel hu meta jagħlaq inkjesta anke jekk aġenzija oħra (Pulizija jew AĠ) jibdew ilprosekuzzjoni.
  9. Modernizzazzjoni tal-proċess ġudizzjarju.
  10. Awli, riżorsi u imħallfin dedikati għall-ġurijiet.

Robert Aquilina tkellem dwar is-sitwazzjoni tal-Qrati f’pajjiżna hekk kif bħalissa hemm aktar minn 100 ġuri pendenti fejn din l-istennija tigi mill-fatt li hemm żewġ awli biss fejn jista’ jinstema’ ġuri filwaqt li m’hemmx imħallfin biżżejjed dedikati għall-ġurijiet.