Internazzjonali

It-Tajlandja: L-elettorat jagħżel politika progressiva u favur ir-riformi

It-Tajlandiżi li vvutaw fl-elezzjoni ta’ tmiem il-ġimgħa esprimew appoġġ qawwi għal partit tal-Oppożizzjoni bl-isem ‘Nimxu ‘il Quddiem’ li qed jinsisti dwar riformi radikali tal-istituzzjonijiet fit-Tajlandja.

L-ewwel riżultati qed juru li dan il-partit — immexxi mill-politiku progressiv Pita Limjaroenrat — issorprenda bil-kbir fl-elezzjoni tant li  rebaħ 151 siġġu fil-kamra t’isfel tal-Parlament Tajlandiż magħmul minn 500 deputat u fejn anki kiseb vantaġġ fuq il-Partit Pheu Thai (Għat-Tajlandiżi) ta’ Paetongtarn Shinawatra, li hi t-tifla tal-eks Prim Ministru Tajlandiż, Thaksin Shinawatra’.

L-analisti Tajlandiżi  qed jitkellmu dwar ‘terremot politiku’ li jirrifletti bidla sinifikanti fl-opinjoni pubblika u fost sinjali li l-poplu jrid iwarrab liż-żewġ partiti politiċi tal-Gvern attwali li huma allineati mal-militar tat-Tajlandja.

L-ewwel riżultati huma anki disfatta għall-Prim Ministru Prayuth Chan-ocha, il-Ġeneral tal-Armata li fl-2014 mexxa l-kolp ta’ stat li qaċċat lill-Gvern Tajlandiż elett – u bil-Gvern ta’ koalizzjoni tiegħu jirbaħ biss 15 fil-mija tas-siġġijiet.

Intant, il-Partit  Pheu Thai, bħala t-tieni l-akbar forza politika, se jissieħeb mal-partit ta’ Limjaroenrat u erba’ partiti iżgħar tal-Oppożizzjoni għal koalizzjoni li tiggarantilhom ‘il fuq minn 60 fil-mija tas-siġġijiet fil-Parlament.

Madankollu, dan xorta mhux biżżejjed biex huma jissuperaw lis-Senat mhux elett, magħmul minn 250 membru u li kien maħtur minn Prayuth. Dan meta l-membri tas-Senat jistgħu jissieħbu fil-votazzjonijiet li jittieħdu fil-Parlament waqt l-Amministrazzjoni l-ġdida u fejn huma kapaċi joġġezzjonaw għall-aġenda progressiva li qed jaħseb biex jintroduċi l-akbar partit Tajlandiż.