Hu kważi ċert li l-battalja għall-Presidenza tat-Turkija għandha tgħaddi minn fażi oħra deċiżiva wara li l-President Tork, Recep Tayyip Erdogan, u l-kandidat tal-Oppożizzjoni, Kemal Kilicdaroglu, ma rnexxilhomx jiksbu aktar minn 50 fil-mija tal-vot nazzjonali tal-Ħadd.
Erdogan, fl-ewwel rawnd tal-elezzjoni, irnexxielu jikseb vantaġġ ta’ erba’ punti perċentwali fuq ir-rivali u, tard fil-lejl tal-Ħadd, hu indirizza lill-partitarji f’Ankara fejn wiegħedhom li hu ‘se jirbaħ ħames snin oħra ta’ poter’.
Sadanittant, Kemal Kilicdaroglu, li bla dubju hu l-aktar kandidat tal-Oppożizzjoni li offra sfida denja tul l-20 sena tat-tmexxija ta’ Erdogan, ukoll jinsab konvint li r-rebħa għandha tkun tiegħu. Dan meta hu jidher li kiseb 45 fil-mija tal-vot kontra d-49 fil-mija għall-President Tork.
Fl-istess ħin, Erdogan hu kuntent bir-riżultati l-oħra ta’ din l-elezzjoni fejn l-Alleanza tal-Partiti tal-Poplu mmexxija minnu rebħet maġġoranza fil-Parlament– dejjem skont l-aħħar riżultati minn Ankara.
Il-Partiti tal-Oppożizzjoni Torok għal din l-elezzjoni deċidew li jikkonfrontaw lil Erdogan bħala entità ‘magħquda’, bil-ħsieb li jiftħu era ġdida ta’ demokrazija f’pajjiż li ilu s-snin jitmexxa bi stil awtokratiku u li ma jippermettix għall-espressjoni ħielsa.
L-indikazzjonijiet huma li madwar 89 fil-mija tat-Torok ivvutaw f’din l-elezzjoni ta’ potenzjal storiku – bil-Punent qed jinteressa ruħu ħafna fir-riżultat peress li Kilicdaroglu wiegħed li, fil-każ ta’ rebħa, hu għandu jintroduċi politika ħafna aktar demokratika f’pajjiżu, minbarra li jsaħħaħ ir-relazzjonijiet ta’ Ankara mal-Alleati tan-NATO.
Għall-kuntrarju, il-Gvern ta’ Erdogan b’għeruq Iżlamiċi akkuża lill-Punent dwar ‘manuvri biex iwaqqgħu lill-President Tork’ u meta llum hemm ukoll element ta’ tensjoni bejn Ankara u l-Unjoni Ewropea.
Madankollu, Kilicdaroglu fl-aħħar sigħat indirizza lill-partitarji numerużi tiegħu f’Ankara fejn insista, b’konvinzjoni, li ‘ir-rebħa se tkun tagħhom’ ladarba jsir it- rawnd tal-elezzjoni programmat għall-aħħar tax-xahar.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni, qabel, kien akkuża lill-Gvern ta’ Erdogan dwar attentati biex ‘jiċħad ir-rieda tal-poplu’ permezz ta’ manuvri u manipulazzjoni fl-ibliet indikati bħala fortizzi tal-Oppożizzjoni. Dan fost sinjali li l-Gvern uża tattiċi li jmorru kontra kull kunċett ta’ elezzjoni demokratika.
//= $special ?>