Ixxukjati. Ħallejtna kmieni wisq.
Dawn kienu uħud mill-ħafna kummenti li dehru fuq il-media soċjali fl-aħħar sigħat wara l-mewta traġika ta’ Rupert Tabone – is-sewwieq ta’ mutur li tilef ħajtu fl-inċident tal-Ħadd f’Birkirkara, li dwaru għaddejja inkjesta immexxija mill-Maġistrat Ian Farrugia.
Rupert Tabone kien eks Bumbardier mal-Forzi Armati Maltin, u ħafna mir-reazzjonijiet kienu ġejjin minn eks kollegi tiegħu; fosthom dawk fis-Sezzjoni Marittima tal-AFM.
Ir-raġel ta’ 54 sena kien deskritt bħala persuna bieżla u dejjem bi spirtu ferrieħi. Oħrajn iddeskrivewh bħala raġel tar-rispett u eżemplari.
Intant, din it-traġedja ħolqot ukoll mill-ġdid dibattitu dwar is-sigurta fit-toroq tagħna – partikolarment dwar il-mod kif qed jitfasslu ċertu barrikati li huma fihom infushom periklu enormi għas-sewwieqa tal-muturi.
Iżda fi kliem il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrustructure Malta Ivan Falzon, huma qed jibnu “toroq li jaħfru”.
Ivan Falzon ma xtaqx jidħol fil-mertu ta’ dan l-inċident partikolari tal-Ħadd. Iżda insista li t-toroq qed jinbnew fuq standards internazzjonali.
Ħafna mis-sewwieqa tal-muturi fl-aħħar xhur iddeskrivew dawn il-barriers partikolari bħala “nassa qattiela”. U tliet snin ilu kien hemm każ illi fih Trasport Malta kellha tħallas eluf f’kumpens, fuq ordni tal-Qorti, wara inċident li fih sewwieq ta’ mutur tilef idejh minħabba dawn it-tip ta’ barrikati.
//= $special ?>