L-Avukat Jason Azzopardi ikkonferma dak li qal qabel fuq il-midja soċjali meta fil-Qorti qal li Andrea Prudente, l-mara Amerikana li qalet li ffaċċjat kumplikazzjonijiet ta’ tqala f’Malta u ma tħallitx tagħmel abort inġiebet Malta apposta sabiex tinħoloq kontroversja dwar it-tmiem tat-tqala.
Dan ħareġ meta fil-Qorti kompliet il-kawża ta’ libell li Prudente fetħet kontra l-eks Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello. Azzopardi kien għamel l-akkuża fuq il-paġna tiegħu ta’ Facebook, fiż-żmien meta l-Parlament kien qed jiddiskuti emendi legali proposti li jippermettu lit-tobba jagħmlu abort jekk is-saħħa tal-omm prospettiva tkun f’periklu serju.
Qal li bl-ebda mod ma kien qed jitkellem kontra Prudente imma li kien hemm min ikkonfoffa ma’ terzi barra minn Malta biex mara tqila tingieb f’Malta halli tqum il-kontroversja tat-terminazzjoni tat-tqala ghax taparsi kienet f’periklu. Mistoqsi mill-avukati ta’ Prudente kif wasal għal din il-konklużjoni, l-Avukat Azzopardi qal li l-fatti kif ġraw urew li kellu raġun.
L-Avukat Azzopardi qal li din m’hijiex ipotezi, m’hijiex teorija. Andrea Prudente kienet fuq btala f’Malta meta kellha 16-il ġimgħa tqila u żviluppat kumplikazzjonijiet fit-tqala tagħha. It-tobba fl-Isptar Mater Dei kienu qalulha li t-tqala tagħha m’għadhiex vijabbli iżda mhux se ttemmha għax il-fetu kien għad kellu qalb.
H ma kinitx f’periklu imminenti li tmut, iżda rriskjat infezzjoni. Hija eventwalment marret Spanja mas-sieħeb tagħha fejn it-tqala tagħha ġiet mitmuma. Il-każ wassal lill-gvern biex jirrevedi l-liġijiet ta’ Malta dwar l-abort – li huma fost l-aktar stretti fid-dinja – u joħroġ b’emenda legali li tippermetti lit-tobba jabortixxu f’każijiet fejn is-saħħa tal-mara prospettiva tkun f’riskju kbir, xi ħaġa li ilha ssir.
Kif inhuma l-affarijiet, it-tobba jistgħu jiffaċċjaw prosekuzzjoni kriminali jekk jidħlu biex itemmu tqala meta s-saħħa tal-omm tkun f’periklu serju – minkejja li d-dħul fejn meħtieġ kienet il-prattika komuni segwita matul is-snin, li meta l-mara tkun f’periklu, jagħmlu minn kollox biex isalvawlha ħajjitha.
F’kawża kostituzzjonali li fetħet Prudente konta l-Isat Malti t-tobba qalu li Prudente qatt ma kienet fil-periklu li titlef ħajjitha, qal Azzopardi. Qal li dak li ħareġ fil-Parlament u l-konklużjonijiet huma ċari. Huwa staqsa kif mara tiġi mill-Istati Uniti, eżattament mill-West Coast, Washinghton – vjaġġ ta’ aktar minn 20 siegħa u marret Għawdex.
Tenna li tabib mediku kkonfermalu li Prudente qatt ma kienet fil-periklu tal-mewt. Tenna li hu qatt ma qal diskors kontriha, imma kull ma qal li kien hemm min ried jinqeda biha, u li xi ħadd ġabha Malta għal kontroversja u biex ikun hemm skuża ħalli tinbidel il-liġi. Tenna wkoll li hu qatt ma kellem lil Prudente. Għal Jason Azzopardi qed jidher l-Avukat Joseph Zammit Maempel. L-avukat Lara Dimitrijevic qed tidher għal Prudente.
//= $special ?>