Claire Satariano ta’ 48 sena residenti Tas-Sliema u Matthew Frendo ta’ 47 sena residenti Bormla, u li t-tnejn għandhom il-vizzju tad-droga inżammu arrestati mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit wara li wieġbu mhux ħatja li serqu minn diversi karozzi minn Ħaż-Żebbuġ. L-allegat serq seħħ bejn is-27 t’April u l-14 ta’ Mejju. Frendo ġie mixli wkoll li sar reċidiv.
Il-Pulziija qalet li huma ġew arrestati matul il-lejl ta’ bejn is-Sibt u l-Ħadd. Kienu għall-ħabta tat-3.15am waqt li l-Pulizja kienet infurmata li hemm żewġ persuni suspettużi jduru mal-karozzi fi Triq l-Imdina. Malli waslu fuq il-post, il-Pulizija sabu żewġ persuni li jaqblu mad-deskrizzjoni li ngħataw, qrib karozza li kienet miftuħa u bir-radio maqlugħ minn ġo fiha.
Malli ndunaw bil-preżenza tal-Pulizija, iż-żewġ peruni ppruvaw jaħarbu minn fuq il-post, iżda ġew arrestati minnufih. Minn tfittxija li saret fuqhom, instabu żewġ imwies, żewġ turnaviti, radju tal-karozza u ċavetta ta’ karozza. Il-Pulizija qalet ukoll li f’Ħaż-Żebbuġ instabu żewġ basktijiet, x’aktarx b’affarijiet misruqa li jirriżulta kienu tal-akkużati.
Id-difiża tar-raġel, li qal li ma jaħdimx, ma talbitx għall-ħelsien mill-arrest imma talbet li jinżamm arrestat fit-Taqsima Forensika tal-Isptar Monte Karmeli għax għandu l-vizzju tad-droga. Il-Qorti rrakkomandat lill-awtoritajiet tal-ħabs biex l-akkużat jingħata l-għajnuna għad-droga.
Id-difiża tal-mara mmexxija mill-Avukat Mario Mifsud talbet għall-ħelsien mill-arrest iżda l-prosekuzzjoni oġġezzjonat minħabba li għandha vizzju tad-droga li jammonta għal eluf ta’ ewro fix-xahar. Il-Qorti ordnat biex l-akkużata tibqa’ miżmuma arrestata. Hija rrakkomandat lill-awtoritajiet biex tingħata l-għajnuna għall-vizzju tad-droga. Għal Frendo deher l-Avukat David Bonello. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Roderick Agius u James Mallia.
//= $special ?>