L-għajnuna tal-Malta Trust Foundation tagħti ħajja ġdida lil dawk it-tfal kollha li jbatu minn kundizzjoni bħall-awtiżmu jew li huma neqsin mid-dawl. Dan għaliex l-apparat offrut jagħmilha aktar faċli għal dawn it-tfal biex jikkomunikaw.
F’intervista ma’ Net News Mary Muscat spjegatilna kif il-fondazzjoni kienet ta’ għajnuna kbira għal bintha Justyne li għandha 15-il sena.
Hija fissret kif bl-apparat li ngħatat bintha qed tkun tista’ tikkomunika aħjar. Barra minn hekk, il-fondazzjoni kienet ta’ għajnuna meta bintha kellha bżonn siġġu tar-roti ġdid.
Mary Muscat saħqet li l-għajnuna dejjem hija importanti, u bid-donazzjonijiet tal-pubbliku l-Malta Trust Foundation tista’ tkompli tgħin lil aktar tfal.
Il-Malta Trust Foundation ġiet imwaqqfa tmien snin ilu mill-President Emeritu Marie-Louise Coleiro Preca. Din il-fondazzjoni toffri diversi servizzi fosthom sabiex it-tfal li għandhom l-awtiżmu jingħataw apparat apposta li bis-saħħa tiegħu ikunu jistgħu jgħixu ħajja aħjar.
Dan l-apparat ikun ipprogrammat apposta u kull tant żmien jiġi aġġornat għall-bżonnijiet tat-tfal.
Barra minn hekk, din il-fondazzjoni tgħin lil dawk it-tfal li huma neqsin mid-dawl fejn jipprovdulhom nuċċali li litteralment jindika x’hemm fil-kamra kif ukoll ma min qed titkellem.
Il-maratona tal-Malta Trust Foundation se ssir nhar is-Sibt li ġej u bl-għajnuna tal-pubbliku din il-fondazzjoni tista’ tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ħajja ta’ dawn it-tfal kollha.
//= $special ?>