Raġel li allegatament kellu arma li ppontaha ma’ ras ta’ xufier ta’ taxi u mbagħad ħarab bil-karozza tiegħu, ħadlu l-flus fost affarijiet oħra, tressaq il-Qorti u nżamm arrestat it-Tnejn. L-inċident allegatament seħħ fi Triq il-Wied, l-Imsida nhar is-Sibt għall-ħabta tad-9pm.
Mahmoud Moghrabi, ħaddiem tal-kostruzzjoni Tuneżin ta’ 33 sena wieġeb mhux ħati ta’ serq aggravat, li żamm ix-xufier tat-taxi kontra r-rieda tiegħu, aorr arma illegalment u seraq pjanċi tan-numri minn vettura ta’ terzi. Huwa ċaħad ukoll li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja, li wettaq l-allegati reati waqt li kien taħt sentenza sospiża kif ukoll li reċidiv.
Ix-xufier kien irrapporta li passiġġier daħal fil-Peugeot 308, poġġa arma ma’ rasu, u talbu l-flus. Imbagħad imbottah barra mis-sedat tas-sewwieq u telaq bit-taxi b’kollox. F’temp ta’ nofs siegħa l-pulizija segwew il-vettura misruqa u sabu lill-akkużat ineħħi n-numru tal-pjanċi tal-karozza biex jibdilhom b’oħrajn li allegatament kien seraq minn vettura oħra pparkjata fil-qrib.
Is-suspettat ġie arrestat. Wara talab għall-assistenza medika u ttieħed l-Isptar Monte Carmeli, minn fejn ġie liċenzjat ftit qabel tressaq il-Qorti. L-avukati tiegħu Mario u Nicholas Mifsud ma talbux għal-ħelsien mill-arrest. L-Ispetturi Lydon Zammit u Jonathan Ransley mexxew il-prosekuzzjoni.
//= $special ?>