Id-19 ta’ Mejju, għal xi wħud huwa meta jiċċelebraw għeluq sninhom, għal ħafna hija biss ġurnata bħal kull ġurnata oħra. Madankollu, kull sena, f’din id-data niċċelebraw il-Jum Dinji tal-IBD.
Ħafna issa qegħdin jistaqsu, x’inhi IBD? L-abbrevjazzjoni tirreferi għal Inflammatory Bowel Disease, fi kliem ieħor, mard infjammatorju tal-imsaren.
L-IBD hija prinċipalment żewġ mardiet kroniċi, Crohn’s u l-Kolite Ulċerattiva, li jaffettwaw direttament is-sistema diġestiva u jikkawżaw li t-tessut intestinali jinfetta, minn feriti u fsada faċilment. Fi ftit kliem, il-passaġġ mill-ħalq sal-anus, jista’ jkun infjammat, u dan jikkawża numru ta’ sintomi, bħal dijarea, nawżea, uġigħ abdominali, telf ta’ piż, għejja u xi kultant deni.
Fid-dinja kollha hemm ‘il fuq minn 5 miljun persuna li jbatu b’dan il-mard kroniku, b’numri ogħla fl-Ewropa u l-Amerka ta’ fuq. S’issa m’hemm l-ebda kura magħrufa għall-marda, għalkemm bosta riċerkaturi jaħdmu biex isibu kura s-sena kollha. S’issa m’hemmx raġuni magħrufa ta’ kif tibda l-marda. Hemm żewġ opinijonijiet ta’ esperti fil-professjoni medika – il-ġenetika u d-dieta ta’ kuljum. Hemm ftit għarfien mill-pubbliku dwar l-uġigħ u t-tbatija kronika li l-pazjenti tal-IBD jaffrontaw b’kuraġġ f’kull ġurnata ta’ ħajjithom.
Iż-żieda fl-għarfien dwar l-IBD hija importanti kemm għall-pazjenti kif ukoll għall-pubbliku. Iktar mal-pubbliku jkun konxju, aktar il-pazjenti jkunu jistgħu jsibu appoġġ mill-familja, ħbieb u anke kollegi fuq il-post tax-xogħol. Għal uħud, li jesperjenzaw infjamazzjoni severa ta’ kuljum, huwa diffiċli għalihom li jkunu attivi fid-dinja tax-xogħol, u sfortunament hemm ftit għajnuna finanzjarja, peress li l-marda mhix diżabilità magħrufa.
Sfortunatament, il-Malta Association for Crohn’s and Colitis (MACC) kellha għal dawn l-aħħar snin jieqfu milli jorganizzaw attivitajiet wiċċ-imb-wiċċ għall-membri minħabba li huma nies meqjusa vulnerabli speċjalment matul il-pandemija tal-COVID-19.
Din is-sena se nerġgħu nibdew norganizzaw attivatijiet għall-membri bl-ewwel attività tkun mixja bl-isem ‘Walk of Warriors’ li se titella l-Ħadd 21 ta Mejju, bil-mixja tibda minn quddiem il-bini tal-Parlament il-Belt Valletta. Nisperaw li inkunu nistgħu inqajmu kuxjenza dwar l-IBD f’Malta.
Fuq livell Europew, il-European Federation of Crohn’s and Ulcerative Colitis Associations (EFCCA) niedu kampanja bl-isem ta ‘L-IBD m’għandiex eta’, fejn taħseb f’pazjenti ta kull eta’, minn tfal sa anzjani. Għalkemm dejjem hemm aktar x’jista jsir, aħna grati tal-progress li sar s’issa fil-qasam mediku, li jgħinu l-maġġoranza tal-pazjenti jgħixu ħajja kwazi normali.
//= $special ?>