Futbol Sport

Rennes isellmu l-memorja tal-eks plejer tagħhom Arman Soldin li nqatel fl-Ukrajna

Il-klabb ta’ Ligue 1 Rennes, il-Ħadd fakkar il-memorja ta’ Arman Soldin, eks plejer tal-klabb fil-livell tal-Youths kif ukoll video reporter ta’ AFP li nqatel fl-Ukrajna l-ġimgħa li għaddiet.

Minbarra l-familjari ta’ Soldin ,li uħud minnhom jgħixu fi Franza, il-klabb stieden ħbieb tiegħu li kienu milqugħa b’applawż mill-partitarji preżenti għal-logħba kontra Troyes. Dawk preżenti setgħu isegwu numru ta’ ritratti ta’ Soldin fuq l-iscreen tar-Roazhon Park filwaqt li l-announcer faħħar il-kuraġġ li kellu biex jirraporta r-relatajiet tal-gwerra fl-Ukrajna.

Soldin, li kien imwieled fil-Bożnija, kien ma’ tim ta’ ġurnalisti ta’ AFP meta kienu attakkati bi Grad rockets meta kienu mas-suldati f’Bakhmut.

Qabel ma’ sar ġurnalist, Soldin, li telaq mill-Bożnija ma’ ommu ta’ eta żgħira ħafna minħabba l-gwerra, kien plejer tal-futbol, fejn lagħab sal-kategorija ta’ Youths ma’ Rennes iżda sfortunatament kellu jieqaf minħabba injuries persistenti f’irkobbtu.

Minkejja li beda l-karriera ta’ ġurnalist, Soldin baqa’ jħobb il-logħba tal-futbol tant li għal erba’ snin sħaħ kien jaħdem ma’ Canal Plus, jirraporta l-Premier League Ingliż għall-programm Match of ze Day.