Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech sostna fil-parlemnt llejla li Robert Abela sar Mexxej Laburista Prim Ministru biex jibqa’ jħallas lil Vitals u Steward skont fehim li sar ma’ Joseph Muscat minn wara dahar Chris Fearne.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni llejla tkellem fil-parlament dwar it-tielet rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-konċessjoni tal-Isptarijiet lil Steward u Vitals.
Bernard Grech qal li l-gvern mar riedx li ssir diskussjoni serja u ta’ analiżi fil-parlament dwar ir-rapport tal-Awditur Ġenerali u sostna li din hi konferma li l-gvernijiet Laburisti ta’ Joseph Muscat u Robert Abela huma kompliċi fl-akbar frodi li seħħ f’pajjiżna. Hu sostna li l-Awditur Ġenerali analizza u kkonkluda l-fatti iżda għal Robert Abela l-gvern tiegħu mexa sew.
Bernard Grech qal li Robert Abela waħdu ta €280 miljun lil Steward u sostna li l-Prim Ministru għażel li jitkellem waħdu fil-parlament meta kien jaf li f’dak il-ħin il-PN kien sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet dwar ir-rapport tal-NAO.
Dan hu Prim Ministru dgħajjef, kompromess u mifxul, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li minħabba dan il-Prim Ministru ma jistax jiddeċiedi kif suppost.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-Prim Ministru hu kompromess għax f’Jannar 2020, meta kollox kien jindika li Chris Fearne kien se jsir Mexxej Laburista, fl-aħħar 24 siegħa sar ftehim minn wara dahar Chris Fearne biex Robert Abela jaċċerta lil Joseph Muscat li se jipproteġih.
Wara dan, dar kollox u rebaħ Robert Abela; għalhekk Robert Abela baqa’ jagħti l-flus lil Vitals lil Steward. Dan minkejja li kien ċar li ma sar l-ebda investiment fis-settur tas-saħħa. Robert Abela kien marbut li jibqa’ jtihom il-miljuni għaliex hekk kellu jagħmel skont il-ftehim.
Benard Grech kompla li Robert Abela gideb lill-poplu meta qal li l-€400 miljun jinkludu l-pagi tal-ħaddiema. Hu sostna li l-Awditur Ġenerali qal li Steward u Vitals ħadu ħafna iktar.
Sal-2021, Vitals u Steward, apparti l-pagi, kienu ħadu €270 miljun u meta żżid magħhom dak li ħadu fl-aħħar sentejn, l-ammont jaqbeż l-€400 miljun. Robert Abela ma fadallu l-ebda diċenza u għalhekk ma jridx li ssir diskussjoni dwar il-fatti.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li mill-2013, il-Gvern Laburista kollu hu kompliċi fl-akbar frodi li seħħ fil-pajjiż. Il-gvern ħela l-flus u tahom lill-korrotti u lill-kriminali u għalhekk ma fadallhomx flus għall-mediċini.
Bernard Grech qal li r-rapport jgħid li l-gvern waqa’ fl-abbissi; u fl-abbissi jkun hemm min għamel il-patti mxajtna u seraq lill-poplu.
Hu qal li l-PN se jsejjaħ lill-poplu għax dan għandu dritt li juri lill-gvern li ma jistax jibqa’ jisirqu.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni kompla li l-gvern kellu d-dritt li jwaqqaf it-trasferiment bejn Vitals u Steward iżda ħallew li dawn jsiru biex jiddaħħlu l-miljuni.
Il-ħadma bdiet qabel, waqt u wara li saru l-kuntratti u kieku ma kienx għall-kawża fil-qorti, is-serq tal-miljuni għadu għaddej, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni, li kompla li Robert Abela kellu l-obbligu li jiftaħ kawża lil Vitals u lil Steward biex iġib lura l-€400 miljun.
Il-gvern ma jaqbiżx għall-poplu, sostna Bernard Grech, li kompla li Robert Abela ma jitwemmix u hu kkontrollat, kompromess u se jibqa’ kompromess għaliex hu se jkun il-kontinwità.
Robert Abela tela’ Prim Ministru biex jiggarantixxi li l-pjan li sar minn tliet persuni jibqa’ għaddej. Għalhekk kellu bżonn pedina oħra u kellu bżonn Kummissarju tal-Pulizija li jibqa’ jiggarantilu li mhux se jinvestiga. Għaddiet ġimgħa mit-talba għad-denunzja iżda s’issa għad ma kien hemm l-eda informazzjoni; l-Avukat Ġenerali wkoll tibqa’ ma tagħmel xejn.
Il-Kummissarju tal-Pulizija wkoll hu parti minn dan il-ftehim, sostna Bernard Gerch, li kompla li għalhekk il-PN se jibqa’ jsejjaħ lill-poplu għaliex irid ikun jaf il-verità u jrid il-ġustizzja.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li Robert Abela qed jgħid li l-PN irid li huma jmorru l-ħabs; din hi tattika tal-vittma iżda din hi wkoll il-konferma li Robert Abela jaf li naqas.
Min ma jagħmel xejn ħażin m’għandux għalxiex jinkwieta li xi ħadd jitlob investigazzjoni dwaru. Il-Prim Ministru jaf li subajh hu mdaħħal fl-akbar frodi li sar fil-pajjiż. Il-Prim Ministru jmissu mar hu stess għand il-Kummissarju biex issir investigazzjoni wiesa’.
L-Awditur Ġenerali, fit-tielet rapport tiegħu, jerġa’ jikkundanna lill-gvern ta’ Joseph Muscat u Robert Abela fl-akbar fordi, sostna l-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech.
//= $special ?>