Lokali Parlament

Wara l-kundanni mill-Awditur Ġenerali fuq l-isptarijiet, Robert Abela jakkuża lill-Oppożizzjoni b’“terroriżmu politiku”

Il-Prim Ministru Robert Abela akkuża lill-Oppożizzjoni b’“terroriżmu politiku” wara li llum kien pubblikat it-tielet rapport tal-Awditur Ġenerali dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet lil Vitals u Steward; liema rapport ikkundanna lill-gvern fuq diversi setturi.

Minkejja li s-seduta parlamentari tal-lum suppost kellha tiddiskuti l-ambjent, il-Prim Ministru Robert Abela qam jitkellem fuq dan ir-rapport. Dan wara li aktar kmieni fis-seduta, il-gvern irrifjuta li jiddibatti dan ir-rapport f’żewġ seduti.

Il-Prim Ministru qam jitkellem dwar Steward u sostna li kien se jitkellem dwar Steward flok fuq l-ambjent. Hu qal li dan hu rapport li jifqa’ kull bużżieqa tal-Oppożizzjoni għaliex dan juri li kien korrett.

L-Oppożizzjoni insistiet li ma kienx hemm qbil li jkun diskuss ir-rapprot tal-NAO u għalhekk il-Prim Ministru jinsab out of order.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li l-Prim Ministru qed jigdeb għax ir-rapport tal-NAO hu kundanna għalih u għall-gvern Laburista. Hu sostna li parlament qed isir ċarlatan għax il-Prim Ministru jaf li r-rapport tal-NAO jikkonferma li l-frodi huma ikbar minn dak li kien maħsub. Hu qal li l-Prim Ministru jippreferi li jsiefer milli jiddiskuti l-isptarjiet fuq dibattitu ta’ jumejn kif pproponiet l-Oppożizzjoni.

L-Ispeaker qal li hu jaf li s-suġġett tal-aġenda tal-parlament hu l-ambjent u appella lill-Prim Ministru biex iżomm mas-suġġett.

Minkejja din il-pożizzjoni tal-Ispeaker, il-Prim Ministru kompla jitkellem fuq l-isptarijiet. Għal erba’ darbiet, il-Kap tal-Oppożizzjoni nsista li l-Prim Ministru jitkellem dwar l-aġenda tal-parlament għaliex ma kienx hemm qbil li jsir id-dibattitu parlamentari dwar l-isptarijiet.

Il-Prim Ministru kompla jitkellem lil hinn mill-aġenda tal-parlament u qal li r-rapport tal-NAO waqt li l-Whip tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li l-Prim Ministru kien qed jinjora anki lill-istess Speaker.

Il-Prim Ministru qal li fit-totalità tiegħu r-rapport hu dak li jixtieq il-gvern u sostna li r-rapport jikkonferma nuqqasijiet mhux żgħar. Hu sostna li s-dwar in-nuqqasijiet li jikkonfermaw il-VGH saru apoloġija.

Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qajjem point of order u qal li l-Ispeaker għandu jintervjeni minħabba li l-Prim Ministru mhux jitkellem dwar is-suġġett fl-aġenda tal-parlament. Hu qal li jekk l-Ispeaker mhux se jintervjeni allura jkun ifisser li fil-parlament kulħadd jista’ jitkellem fuqhix irid.

Il-Prim Ministru kompla jitkellem fuq ir-rapport tal-NAO u tratta kif mexxa meta hu kien elett Prim Ministru. Robert Abela sostna li l-gvern ried jipproteġi lill-pazjenti fi żmien il-COVID u qal kien ra l-kuntratt l-ewwel darba meta sar prim ministru.

Il-Prim Ministru qal li l-NAO lanqas biss ħass il-ħtieġa li hu jixhed quddiemu u kompla li dwar il-klawsola tal-€100 miljun hu qatt m’aċċetta l-argument li Steward setgħu joħduhom dejjem. Hu qal li l-gvern kien ħadem bil-galbu u sostna li kien ikun irresponsabbli kieku ma ħax il-pariri tal-esperti. Il-gvern ma riedx idaħħal lill-pajjiż f’sogri, sostna l-Prim Ministru, li kompla li lil Steward kien qallhom li jridu jonoraw l-obbligi kuntrattwali tagħhom.

Robert Abela rrifera għad-denunzja li l-Kap tal-PN Bernard Grech u d-deputat Nazzjonalista Adrian Delia għamlu biex isiru l-investigazzjonijiet dwar il-każ tal-isptarijiet u qal li hi biss tattika u gymick.

Il-Prim Ministru qal li r-rapport tal-NAO jiddistingwi lilu, lil Chris Fearne u lil Clyde Caruana minn pesuni oħra u joħloq distinzjoni ċara fil-mod kif dawn ħadmu.

Hu qal li l-gvern ħa deċiżjoni li jieħu l-isptarijiet f’idejh indipendendent mid-deċiżjoni tal-qorti.

Fuq point of order, id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina sostna li l-Prim Ministru qed jiżvijja l-parlament għaliex ir-rapport tal-NAO jgħid l-pagi tal-ħaddiema m’għadhom x’jaqsmu xejn mal-€400 miljun li l-gvern ta lil Steward u li l-€188 miljun li tħallsu mill-gvern għall-pagi huma somma differenti.

Il-Prim Ministru akkuża lill-Oppożizzjoni b’terroriżmu politiku. Id-deputat Nazzjonalista Karol Aquilina oġġezzjona għal dan il-kliem mill-Prim Ministru bl-Ispeaker isostni li la kienx hemm riferenza diretta għal xi deputat, allura l-Prim Ministru seta’ jkompli bid-diskors tiegħu.