Kuntratt li sal-2021 sewa lit-taxxi tal-poplu aktar minn €450 miljun – Prim Ministru li ilu jaf bis-sitwazzjoni tal-Vitals u Steward tal-inqas 3 snin…eks Ministru li skont l-Awditur Ġenerali inganna bil-Kabinett mingħajr ħadd ma ħa passi legali fil-konfront tiegħu.
Hija din ir-realtà li toħroġ mill-konklużjonijiet tat-tielet rapport tal-Awditur Ġenerali illi ġie preżentat lill-Parlament matul il-jum tat-Tnejn fejn intqal li l-eks Star Candidate tal-Partit Laburista, eks Deputat Mexxej tal-Labour u eks Ministru tal-Enerġija, Saħħa u Turiżmu Konrad Mizzi ma kkopera xejn mal-NAO rigward l-investigazzjoni dwar il-bejgħ u l-kuntratti tat-tlett sptarijiet Karin Grech, San Luqa u dak Ġenerali t’Għawdex.
Ħareġ ukoll li l-Prim Ministru Robert Abela kien jaf bir-realtà u l-gravità tal-ftehim li Mizzi daħħal lill-pajjiżna fih bil-garanzija ta’ €100 miljun – tant li meta wasal biex jinħall mill-kuntratt spiċċa jdejh marbutin. Dan fl-2020, meta laħaq bħala suċċessur ta’ Joseph Muscat.
Dan ifisser li Abela kien jaf bil-manuvri u, skont l-Awditur Ġenerali, bl-ingann li wettaq Konrad Mizzi fil-konfront tal-Kabinett. Iżda xorta waħda ma ħa ebda passi legali fil-konfront tal-eks Ministru u baqa’ jkompli jħallas lil Steward il-miljuni tal-ewro sena wara oħra minn flus il-poplu – flus li ċertament setgħu ntefqu għal ħafna aktar affarijiet utli.
Jibqa’ l-fatt li Robert Abela kien jaf b’kollox. Tant illi kemm-il darba huwa stess insista li bħala konsulent legali tal-Kabinett ta’ Joseph Muscat kellu r-responsabbiltà li josserva xi jkun qiegħed jagħmel kull Ministeru; bħal ma kien saħaq anke fit-tiġrija għal-leadership tal-Partit Laburista .
U għalkemm Abela kien jaf b’kollox, mhux l-istess jista’ jingħad għal Chris Fearne.
Tant illi r-rapport tal-NAO jiżvela kif id-Deputat Prim Ministru kien ġie mwarrab għal kollox min-negozjati fir-rigward tat-trasferiment li sar bejn Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare – fejn surrealment il-Ministru tat-Turiżmu ta’ dak iż-żmien ħa ħsieb kollox.
Minkejja dan, Fearne fl-ebda mument ma lissen kelma dwar dan – baxxa rasu u baqa’ sieket.
Dan kollu fl-istess waqt li saħansitra fil-kampanja elettorali tal-2022 meta l-Partit Nazzjonalista kien jisħaq dwar dan id-deal skandaluż…Fearne baqa’ fommu sieket – kompliċi fl-ingann li l-Gvern Laburista wettaq fil-konfront tal-poplu Malti u Għawdxi.
Fil-Parlament, meta ġie preżentat dan ir-rapport tal-Awditur Ġenerali, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fakkar li Robert Abela waħdu ta €280 miljun lil Steward – u insista li l-frodi f’dan id-deal huwa saħansitra akbar minn kemm wieħed ħaseb.
Bernard Grech qal ukoll li l-Gvern mar riedx li ssir diskussjoni serja … tant illi baqa’ jsabbat saqajh biex il-konklużjonijiet tal-Awditur ma jiġux diskussi fuq jumejn, f’żewġ seduti Parlamentari.
//= $special ?>