Internazzjonali

Amnesty International: Tħassib dwar il-qabża fl-esekuzzjonijiet minn sena għal sena

In-numru tal-esekuzzjonijiet irreġistrati fuq livell globali matul l-2022 kien l-ogħla għal dawn l-aħħar ħames snin. Dan kien żvelat mill-grupp Amnesty International wara li l-pajjiżi tal-Lvant Nofsani żiedu l-ammont tal-esekuzzjonijiet fost il-qabża ta’ verdetti għall-piena kapitali fl-Istati rispettivi.

L-istatistika turi li total ta’ 883 persuna ngħataw mil-mewt f’20 pajjiż matul l-2022 – b’dan jikkonferma qabża ta’ 53 fil-mija meta mqabbel maċ-ċifri tal-2021.

Skont l-annual review tal-Amnesty International, l-Iran, l-Arabja Sawdija u l-Eġittu ‘waħedhom’ wettqu mad-90 fil-mija tal-esekuzzjonjiet.

L-istatistika għall-2022, iżda, qed teskludi liċ-Ċina, li, kull sena, tagħti l-piena kapitali lill-eluf tan-nies fl-artijiet tagħha. L-informazzjoni dwar dak kollu relatat mal-piena kapitali hi klassifikata fiċ-Ċina u l-Amnesty qal li minħabba s-sitwazzjoni, ir-riċerkaturi tiegħu ma jistgħux joħorġu b’evalwazzjoni preċiża dwar l-ammont tal-priġunieri ġustizzjati b’dan il-mod fil-pajjiż partikulari.