Lokali

Bernard Grech ifaħħar ix-xogħol ta’ mijiet ta’ ħaddiema f’kumpanija tal-manifattura

Fi kliem il-Kap tal-PN Bernard Grech, il-ħaddiema jibqgħu fiċ-ċentru tal-ħidma politika tiegħu; b’enfasi partikolari fuq l-intrapriżi li qed jinvestu f’pajjiżna u l-bżonn li jiżdiedu opportunitajiet ġodda f’industriji ta’ kwalita.

Huwa stess tkellem dwar dan meta t-Tlieta filghodu żar il-fabbrika tal-kumpanija Seifert Systems Limited.

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-PN kien hemm id-Deputati Stanley Zammit, Ryan Callus, u Ivan Castillo.

Huma iltaqgħu mas-sid u l-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija, Michael Seifert u setgħu jaraw ix-xogħol ma jaqta’ xejn ta’ diversi ħaddiema li huma impjegati f’dan l-impjant illi jinsab f’Birżebbuġa.

Fl-aħħar xhur, il-kumpanija kellha implimentatazzjoni ta’ sistema ġdida li żiedet l-effiċjenza tal-produzzjoni b’erba darbiet, filwaqt li ħolqot 140 impjieg ġdid permez tal-estensjoni tal-fabbrika.

Madanakollu, l-isfidi li qed jaffaċjaw ta’ kuljum ma jonqsux, kif spjegalna Michael Seifert.

Kien hawnhekk fejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista wiegħed li se jkun qed ikompli jaħdem biex jassigura li kull kumpanija f’pajjiżna tkompli tikber u timxi ‘l quddiem.

Seifert Systems Limited hi kumpanija Ġermaniża bbażata f’Malta li timmanifattura sistemi li jirregolaw it-temperaturi f’diversi inġenji industrijali; kumpanija li ilha topera f’pajjiżna b’suċċess għal iktar minn 50 sena u li tħaddem ‘il fuq minn 450 persuna.