Lokali Qorti

Erba’ snin ħabs talli seraq minn karozza u agredixxa lil sidha li qabditu fil-fatt

Raġel li huwa magħruf sew mal-Pulizija u li nqabad filfatt jisraq minn karozza fil-Furjana ġie kundannat erba’ snin ħabs mill-Maġistrat Gabriella Vella. Wadea Al Maghrbi, Libjan ta’ 32 sena, mingħajr residenza fissa, inqabad fil-fatt minn sid il-karozza, mara ta’ 28 sena mill-Kalkara. Huwa nstab ħati li kkaġuna ferita ħfief fuq il-vittma u li sar reċidiv, iżda ma nstabx ħati li żamm lil mara kontra l-volontà tagħha.

Meta din kkonfrontatu, attakkaha u mbagħad ħarab minn fuq il-post bil-vittma tweġġa’ ħafif. L-inċident seħħ fi Triq Emvin Cremona fit-3.30pm fit-8 ta’ Marzu tas-sena l-oħra. Bl-għajnuna tal-mara u permezz ta’ filmati CCTV fl-inħawi, il-pulizija ntraċċawh sa Triq it-Tiġrija, il-Marsa, għall-ħabta tal-5pm, fejn kien ġie arrestat.

Meta tressaq il-Prosekuzzjoni kienet qalet lill-Qorti, li kien għadu kemm ħareġ mill-ħabs ftit xhur qabel din is-serqa. Al Maghrbi instab ħati ta’ serq b’i vjolenza, li żamm lill-vittma kontra r-rieda tagħha, li kkaġunalha ġrieħi ħfief u li sar reċidiv.

Nadine Muscat qalet fil-Qorti li kienet sfat vittma ta’ serqa b’aggressjoni quddiem l-MSPCA. “Dakinhar kelli l-karozza pparkjata ftit l-isfel mill-main door ta’ l-MSPCA. Kelli mmur niġbor kelb mill-MSPCA. Ħriġt mill-karozza għalaqt il-bieba u mort għall-kelb. Kif erġajt ġejt lura indunajt li kien hemm raġel fil-karozza. Affaċċjat ir-raġel, staqsejtu x’inhu jagħmel fil-karozza, fejn kien qed jipprova idaħħal iċ-ċavetta fil-karozza biex jistartja. Lissen xi kliem li ma stajtx nifhmu u telaq jiġri,” qalet il-vittma.

Muscat iddikjarat li dan ir-raġel kien bilqiegħda fuq is-seat tax-xufier u li għalkemm il-vettura kienet magħluqa ma kenitx imsakkra. Muscat kompliet tiddikjara li affaċċjat f’mument ta’ paniku x’inhu jagħmel fil-karozza. Ħa xi
affarijiet u telaq jiġri. Dak il-ħin indunajt li l-basket, il-handbag li kien fuq il-passenger seat u l-mobile ma kienux hemm.

“Bdejt nipprova nfittex fil-karozza, bdejt insaqsi fejn hu l-baskett tiegħi, beda jgeżwer xi affarijiet, beda jipponta lejn is-seat ta’ wara u telaq jiġri. Fuq is-seat ta’ wara kien hemm l-‘backbag’ tiegħu mhux il-backbag tiegħi”, hija qalet fejn tenniet li dan ir-raġel telaq jiġri lejn id-direzzjoni ta’ Triq Sant’ Anna.

Il-vittma qalet ukoll li ddeċidiet li tidħol fil-karozza, tieħu il-baskett tiegħu l-għassa u tagħmel rapport. “Sakemm qed nidħol fil-karozza reġa’ ġie lura, beda jgħajjat miegħi sadanittant jiena kont qiegħda bilqiegħa fuq id-‘driver seat’, beda jgħajjat ma’ wiċċi, beda jgħajjat li jrid il-baskett tiegħu. Jiena bdejt niġġieled miegħu, bdejt insaqsieh fejn hu l-basket tiegħi għax ma ridtx nagħtih il-basket tiegħu.

“Daħal fuqi biex jiġbed il-basket tiegħu. Prova jiġbed il-baskett tiegħu, il-“backbag” tiegħu mis-seat ta’ wara. Jiena qbadtu malajr qabel ma’ jieħdu hu, żammejtu f’idi u qabdu wkoll u beda jiġbed il-baskett fl-istess ħin. Ħin minnhom jiena bdejt nagħtih bis-sieq b’saqajja biex jipprova jitlaq il-baskett biex inkun naf fejnu l-basket tiegħi u f’ħin minnhom ġibidni u tefani ma’ l-art.

“Sabbatni fuq il-bankina u kaxkarni. Imbagħad biex nitlaq il-baskett beda jagħtini bil-“backbag” fuq wiċċi, fil-frattemp rasi bdiet tinstabat mal-bankina, ma nafx kemm minuti damet, f’ħin minnhom tant kemm bdejt inweġġa’ li tlaqt il-baskett u telaq jiġri. Telaq jiġri lejn id-direzzjoni fejn isiru l-eżamijiet tal-karozzi,” qalet il-vittma.

Fir-rigward tal-ġrieħi sofferti, Muscat iddikjarat li meta ġew ta’ l-ambulanza fuq il-post huma nvistawha biex jaraw x’tip ta’ ġrieħi kellha u qalulha biex tmur il-Polyclinic. Bħala fatt marret il-Polyclinic tal-Furjana fejn it-Tabib li nvistaha li qalilha xi ġrieħi li ġew minnu kklassifikati bħala ġrieħi ta’ natura ħafifa salv kumplikazzjonijiet,

Rigward dak li nsterqilha, iddikajrat li kellha basket ditta Michael Kors abjad u iPhone 13 Pro Mac mobile u għall-fini tal-valur iddikjarat li dan kien bejn €1,000/€1,400. In kwantu rigwarda affarijiet oħra li seta’ kellha fil-basket,
Muscat iddikjarat kellha affarijiet oħra imma l-kontenuti li kienu fil-handbag sabithom ġol-laptop bag tagħha stess, jiġifieri ħa l-ħin li jieħu l-affarijiet minn ġol-basket u jitfagħhom ġo basket ieħor.

L-Ispettur Lydon Zammit qal li dak inhar għall-ħabta tal-5pm kien informat minn żewġ Pulizija oħra li bdew isiru r-rondi biex jinstab din il-persuna, fejn ġie infurmat li fit-Triq il-Gerrejja, l-Marsa, kien instab il-persuna suspettat. Dak il-ħin qal li l-ordni biex jiġi arrestat sakemm hu flimkien mal-kollegi, l-Ispettur Stephen Gulia, u xi uffiċjali oħra
niżlu fuq il-post fejn kien diga’ ingħata d-drittijiet tiegħu imma reġgħu ngħatawlu.

Il-persuna kienet ġiet identifikata bħala Wadea Al Maghrbi fejn minn riċerka li saret rriżulta li ftit xhur qabel kien għadu kemm joħroġ mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Saret search fuqu iżda l-mobile phone ma kienx instab u ġie eskortat għad-Depot fejn kien għażel li jkellem avukat tal-Għajnuna Legali. Itteħditlu stqarrija permezz ta’ interpretu, u kien innega li kien involut fl-inċident iżda kien ammetta li kien fuq il-post.

Meta ġie muri anke c-CCTV kien qal li kien fuq il-post imma b’konċidenza u baqa’ jgħid li hu qatt ma jsawwat mara b’dak il-mod. “Iktar tard ġejt infurmat kemm mill-vittma u kemm mill-familjari tagħha li l-mobile kien inxtegħal u kien
qiegħed fl-istess post, jiġifieri Triq il-Ġerrejja ġewwa l-Marsa u kien qed jindika li kien qiegħed fuq il-post hemmhekk.

“Aħna nżilna fuq il-post. Huwa l-istess post eżatt fejn ġie arrestat Wadea, iżda mill-investigazzjoni u kif provajna, kemm saret it-tfittxija fl-inħawi u kemm saret tfittxija fuq ċertu persuni li kien hemm fl-area, ma nstabx. Sussegwentement l-għada, fid-9 ta’ Marzu, Wadea Al Maghrbi, ġie mressaq il-Qorti.

il-Qorti spjegat lill-imputat bi kliem ċar il-kondizzjonijiet imposti fuqu bl-Ordni ta’ Trażżin għall-perjodu ta’ tliet snin maħruġ fil-konfront tiegħu kif ukoll ir-responsabilità tiegħu f’każ li jikser xi waħda jew iktar mill-kondizzjonijiet ta’ tali Ordni ta’ Trażżin, u cioè f’tali eventwalità jista’ jiġi ikkundannat għal multa ta’ €7,000 jew għal priġunerija ta’ mhux iżjed minn sentejn jew għal tali multa u priġunerija flimkien. L-Ispetturi Lydon Zammit, Stephen Gulia u Gabriel Micallef mexxew il-prosekuzzjoni.