Darren Carabott, PN
Id-deputat Nazzjonalista Darren Carabott sostna fil-parlament li l-gvern Laburista ma jridx jiġbor lura l-€400 miljun li nsterqu minn Vitals u Stewards.
Darren Carabott qal li hemm €400 miljun li tħallsu mit-taxxi x’jinġabru u l-gvern mhu jagħmel xejn. Hu qal li kienet il-qorti li ddikjarat li kien hemm deals frawdalenti u l-poplu ħa l-isptarijiet lura.
Issa hemm ukoll il-konfort tal-Awditur Ġenerali li għat-tielet darba l-gvern qed jisparpalja flus il-poplu. Issa jonqos li dawn il-flejjes jinġabru iżda l-Prim Ministru u l-gvern qed jiddefendu dak li hu indifensibbli. Kif tista’ ma tikkundannax il-kuntratt bejn il-gvern u Vitals u kif tista’ ma tiftaħx il-kawża biex il-poplu ma jiġborx flusu lura?
F’Ottubru 2014 kien iffirmat il-ftehim bejn il-gvern u Vitals waqt li sena wara, Konrad Mizzi tella’ quddiem il-Kabinet u l-Health Care Services Concession. Jumejn wara, l-Kabinett approva li dan il-ftehim u bdew il-pagamenti kull sena. Sa Novembru li għadda, il-gvern wera kemm kien inċert u instabbli għaliex il-qorti ddikjarat li l-miljuni kienu frawdalenti.
Id-deputat Nazzjonalista qal li l-gvern m’għamel xejn meta l-Oppożizzjoni u l-media mill-ewwel qalu li kien hemm il-frodi, meta l-UĦM talbet investigazzjoni, meta l-Oppożizzjoni talbet investigazzjoni quddiem l-NAO, meta Adrian Delia fetaħ il-kawza, meta ħarġru l-ewwel u t-tieni rapport mill-Awditur Ġenerali u ftit xhur ilu meta l-qorti tat is-sentenza tagħha.
Fl-ewwel rapport, l-NAO qal li kien hemm kollużjoni mill-gvern iżda l-gvern m’għamel xejn; ħadma mill-gvern u l-Vitals li għamel ir-rapport dubjuż. Fit-tieni rapport l-NAO qal li l-proġett qatt ma seta’ jsir u kien hemm sitwazzjoni li Vitals ħadu vantaġġ min-nuqqasijiet aministrattivi tal-Gvern. Dan hu gvern li ma jridx jiġbor lura l-€400 miljun.
Id-deputat Nazzjonalista qal li t-tielet rapport tal-NAO jikkonferma l-frodi ta’ €400 miljun u kompla li Konrad Mizzi ma riedx imur quddiem l-Awditur Ġenerali. Fejn kien Chris Ferane meta l-Ministru tat-Turiżmu ddeċieda fuq l-isptarijiet? Illum l-gvern għadu jiddefendi lil Konrad Mizzi quddiem il-PAC, sostna Darren Carabott, li kompla li hemm involut ukoll il-Prim Ministru Robert Abela li ma jistax jibqa’ jinħeba wara Joseph Muscat meta f’kull budget baqa’ japprova l-pagamenti.
Il-veru vittma ta’ dan kollu hu l-ħaddiem li jaħdem għal flusu, sostna d-deputat Nazzjonalista.
//= $special ?>