Lokali

Il-Gvern ta’ Abela ma jikkundannax lil Konrad Mizzi – jibqgħu jiddefenduh bis-skiet tagħhom

Il-Gvern ħallas ‘il fuq minn 450 miljun ewro lil Vitals u Steward, bi kwazi 220 miljun ewro minnhom imorru ghand Steward Healthcare…fosthom pagamenti li tħallsu minkejja li l-Prim Ministru Robert Abela kien konxju bil-ħadma li Konrad Mizzi kien għamel bi flus il-poplu Malti u Għawdxi.

Mhux hekk biss, talli minħabba prassi legali jirriżulta li t-trasferiment bejn Vitals Global Healthcare u Steward Healthcare kellu jkun dikjarat null.

Dawn il-fatti u ħafna aktar ħarġu mill-konklużjonijiet tar-rapport tal-Awditur Ġenerali b’rabta mat-tlett sptarijiet, liema konklużjonijiet il-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard u s-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Andy Ellul ma ċaħdux – anzi, insistew li l-Gvern “għandu s-soluzzjonijiet”.

It-Tlieta waranofsinhar il-Labour sejjaħ konferenza tal-aħbarijiet fejn attakka lill-Partit Nazzjonalista, li ironikament kien biss grazzi għalih li ħareġ fil-beraħ dan il-frodi minn flus il-poplu. Bil-kelliema ta’ Abela jinsistu li n-nies għandhom fiduċja fid-deċiżjonijiet li qed jieħdu.

Dan l-għada li l-Gvern Laburista rrifjuta li jiddiskuti rapport ta’ aktar minn 450 paġna fil-Parlament matul is-seduti tat-Tlieta u l-Erbgħa. U minflok ried li jieħdu pawża ta’ siegħa, jaqraw il-verżjoni mqassra ta’ 100 paġna u jiddiskutuha dak il-ħin.

Net News staqsa lill-Ministru Jonathan Attard għalfejn il-Gvern ta’ Robert Abela ma nħallx minnufih mill-kuntratt ma’ Steward fejn apparti li kien spiċċa konxju tal-ħadma ta’ Mizzi sa minn meta ħa r-riedni tal-pajjiż minn wara Joseph Muscat, kien infurmat ukoll bil-frodi li kien qed iseħħ minn Steward nfushom anke fl-2021.

Iżda Attard għażel li jaħrab mid-domanda…

Il-ġurnalisti preżenti inkluż Net News staqsew għal aktar minn darba lill-kelliema tal-Labour jikkundannawx l-aġir ta’ Konrad Mizzi u għal liema raġuni baqgħu jgħattulu 3 snin sħaħ. Iżda huma baqgħu jaħarbu mill-mistoqsijiet.