Lokali

Ippreżentat rikors fil-Qorti biex tittieħed azzjoni immedjata dwar id-deal tat-tliet sptarijiet

L-għaqda Repubblika ppreżentat rikors fil-Qorti dwar id-deal skandaluż tat-tliet sptarijiet fejn appellat lill-Maġistrat inkwirenti sabiex tieħu azzjoni dwar il-fatti li ħarġu… qabel ikun tard wisq.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret quddiem il-Qorti, il-President tal-għaqda Repubblika, Robert Aquilina spjega kif fost l-oħrajn huma talbu lill-Maġistrat biex tieħu l-passi meħtieġa ħalli ma jibqgħux jinqerdu l-provi … filwaqt illi tassigura li tittieħed azzjoni f’waqta sabiex dawk involuti fil-ħadma tal-isptarijiet ma jaħarbux minn pajjiżna.

Aquilina spjega kif il-Maġistrat għandha wkoll tordna lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jibda jinvestiga u jarresta lil dawk il-persuni kollha involuti.

Kien fid-dawl ta’ dan illi Robert Aquilina appella mhux biss lil min hu responsabbli iżda anke lill-poplu Malti u Għawdxi biex iqum u jsemma’ leħnu kontra dak kollu li qed naraw jiġri taħt it-tmexxija ta’ Robert Abela…. li b’mod ċar qed jibqa’ ċass quddiem il-frodisti.

Ir-rapport tal-NAO li kien ippubblikat it-Tnejn ikkonferma li l-ammont ta’ 400 miljun ewro ma jinkludix il-pagi li tħallsu lill-ħaddiema …illi jfisser li l-flus li nsterqu kienu ferm aktar minn dak maħsub oriġinarjament.

Fi kliem il-PN, dan jikkonferma li Robert Abela gideb lill-Parlament.