Talanqas sitt persuni tilfu ħajjithom fost in-nirien li ħakmu bini – hostel – li kien qed joffri l-akkommodazzjoni lin-nies għal żmien temporanju.
L-iskwadri responsabbli mit-tifi tan-nirien wieġbu mal-ewwel għal din l-emerġenza f’Wellington u fejn huma salvaw aktar minn 50 persuna mill-fjammi li ħakmu l-bini f’qasir żmien.
Madankollu, iċ-ċifra tal-vittmi tan-nirien kienet mistennija tiżdied — partikularment wara li l-pulizija, fl-aħħar sigħat, ikkonfermaw li kien hemm mat-12-il persuna nieqsa.
Mifhum li dawn it-tnax kienu residenti fil-hostel bl-isem Loafers Lodge fil-ħin meta qabdu n-nirien li nfirxu malajr madwara l-ewwel sular tal-bini.
Fl-aħħar sigħat ukoll, il-pulizija kienet qed tagħmel l-evalwazzjonijiet fuq il-post tat-traġedja u fejn huma ma setgħux jipprovdu informazzjoni aktar speċifika.
Il-kawża tan-nirien baqgħet mhix magħrufa iżda l-kapijiet tal-organizzazzjoni bl-isem Fire and Emergency New Zealand qed jittrattaw il-każ bħala wieħed suspettuż.
Mill-banda l-oħra, iżda, il-pulizija f’Wellington ma taħsibx li n-nar, fil-fatt, kien tqabbad minn xi ħadd li kellu l-ħsieb biex ipoġġi l-ħajja tan-nies f’periklu.
//= $special ?>