Keith Azzopardi ta’ 30 sena minn Bormla ġie kundannat sentejn ħabs wara li ammetta lista sħiħa ta’ akkużi ta’ vjolenza domestika fosthom li ta fastidju lil omm ibnu, li segwa l-passi tagħha, heddidha u kkaġuna fiha biża li se tintuża vjolenza kontriha. Huwa ġie mmultat ukoll is-somma ta’ €4,500.
Azzopardi li jaħdem għal rasu bħala tattoo artist kien ammetta mill-ewwel li fl-4 ta’ Jannar li għadda mar quddiem ir-residenza tal-eks sieħba tiegħu f’Raħal Ġdid u ta daqqa ta’ sieq lill-bieb ta’ barra. Xħin fetaħlu missier l-eks sieħba ħebb għalih u eventwalment ħebb ukoll għal żewġ pulizija li ssejħu fuq il-post biex jikkalmaw is-sitwazzjoni.
Hu nstab ħati wkoll li kiser il-mistrieħ tan-nies u li m’obdiex ordnijiet tal-pulizija u kiser il-paċi pubblika. Quddiem il-Maġistrat Victor Axiaq, Azzopardi ammetta wkoll li kiser il-provvedimenti ta’ sentenza sospiża li kien ingħata fit-28 ta’ Settembru li għadda, li kiser il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest li kienu imposti fuqu fl-aħħar ta’ Diċembru tal-2019 u li sar reċediv.
Il-Qorti qalet li kienet qed tikkunsidra li ma tagħtix piena ta’ ħabs lil Azzopardi iżda l-imputat lanqas biss indenja jatendi għall-appuntament wieħed mal-uffiċjal tal-probation. Il-Qorti qalet li mill-kondotta tiegħu l-imputat kien diġa nstab ħati ta’ theddid fuq uffiċjal pubbliku u li fera ħafif tfajla oħra li kien f’relazzjoni magħha, kif ukoll ulied li kellu minnha u qraba tagħha.
Apparti kollox inqas minn sena mid-data tar-reati, fis-16 ta’ April tal-2022, huwa kien ġie kundannat sena ħabs minn Qorti oħra, liema piena kienet ġiet sospiża għall-perjodu ta’ sentejn. Minkejja dan kollu jidher li Azzopardi baqa’ ma tgħallem xejn, qalet il-Qorti.
Dan għaliex reġa’ kkommetta reat u barra minn dan kien ingħata l-benefiċċju tal-ħelsien mill-arrest mill-Qorti u kien marbut li ma jikkommetix reat ieħor sakemm tinstema’ l-kawża tiegħu. Il-Qorti qalet fis-sentenza tagħha li trid tara li jin ħoloq bilanċ bejn l-interessi tal-imputat u tas-soċjetà inġenerali u għalhekk is-sentenza sospiża trid tidħol fis-seħħ.
Minbarra l-piena ta’ ħabs huwa irid iħallas il-multa ta’ €4,500 u konfiska ta’ €500 li kienet bħala garanzija personali. Inħarġet ukoll ordni ta’ trażżin għal tliet snin f’isem il-vittmi Meta kien tressaq il-Qorti kienet ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur erba’ persuni mhedda għal perjodu ta’ sentejn.
Sakemm il-Qorti ħatret probation officer biex jagħmel rapport qabel tingħata s-sentenza, il-Maġistra Axiaq f’Jannar li għadda kien laqa’ wkoll it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €5,000. Fost il-kundizzjonijiet imposti mill-Qorti kellu li ma jersaqx lejn Raħal Ġdid, jiffirma darbtejn fil-ġimgħa l-għassa, jirtira f’daru mal-10 ta’ filgħaxija u ma joħroġx qabel is-6 ta’ filgħodu. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Omar Zammit.
//= $special ?>