Il-qawwiet tar-Russja fl-aħħar sigħat fetħu waħda mill-akbar burraxki ta’ missili fuq il-kapitali Ukrena Kiev mindu t-truppi tal-Kremlin invadew lill-Ukrajna fl-aħħar ta’ Frar tas-sena l-oħra.
Il-baraxx tal-missili qed ikun imfisser bħala ‘eċċezzjonali’ mill-uffiċjali Ukreni, bil-kelliema fi Kiev isostnu li d-difiżi fil-kapitali rnexxielhom jinnewtralizzaw il-parti kbira nett tal-missili grazzi għas-sistemi moderni li rċevew minn barra biex jilqgħu kontra l-attakki mill-ajru.
Min-naħa tagħha, ir-Russja qed twieġeb li l-qawwiet tagħha rnexxielhom jolqtu l-miri kollha ‘skont il-pjan tal-attakk’ u f’liema offensiva ntużaw anki numru sinifikanti ta’ drones li Moska kienet irċeviet mingħand l-Iran.
Ir-Russja, fl-aħħar jiem, żiedet il-bumbardamenti fuq Kiev u bliet Ukreni oħra fost stennija li l-Armata tal-Ukrajna se tmexxi kontro-offensiva kbira bil-ħsieb li taħtaf lura l-kontroll fit-territorji ta’ pajjiżha okkupati mir-Russi.
U fl-aħħar sigħat, instemgħu ammont straordinarju ta’ splużjonijiet anki fiċ-ċentru ta’ Kiev – bir-Russi jattakkaw il-kapitali Ukrena minn diversi bnadi u fejn, minbarra l-missili sparati mill-ajru, intużaw anki l-missili tal-art u oħrajn sparati minn fuq il-baħar.
Fl-attakki spikkaw il-cruise missiles tar-Russja bl-isem Kalibr li kienu sparati mill-bastimenti fil-Baħar l-Aħmar.
Iżda l-aktar żvilupp sinifikanti – skont ir-rapporti tal-Ukreni – kien il-mod effettiv kif id-difiżi fi Kiev innewtralizzaw il-parti kbira tal-missili ħipersoniċi tat-tip Kinzhal li wkoll kienu sparati lejn il-kapitali tagħhom.
Il-media Ukrena, fil-fatt, qed tirreferi għal ‘disfatta oħra lill-Kremlin u għal (il-President Russu) Vladimir Putin’ wara li r-Russja kienet ilha tiftaħar li l-ebda sistema tad-difiża fid-dinja ma kienet se tlaħħaq ma’ dawn il-missili ħipersoniċi mill-aktar sofistikati.
U jekk ir-rapporti tal-Ukreni huma minnhom, ir-Russi għandhom tassew għalfejn iħossuhom frustrati minħabba ‘il-provi ċari’ li l-aktar missili formidabbli tal-Kremlin jistgħu jkunu interċettati b’suċċess.
Dan ukoll grazzi għall-preżenza, fl-Ukrajna, tas-sistemi għad-difiża Patriot għal kontra l-attakki bil-missili li l-Punent ittrasferixxa, f’dawn il-ġimgħat. lill-Gvern tal-President Ukren, Volodymyr Zelensky.
L-aħħar mewġa ta’ attakki fuq Kiev qed iseħħu wara waqfa ta’ kważi xahrejn u jidher li r-Russja qed taħdem fuq strateġija intiża biex telimina ħafna mid-difiżi fil-kapitali Ukrena. Dan wara li s-sistemi tad-difiża tal-Ukreni ilhom il-ġimgħat jeliminaw il-parti kbira tal-missili u d-drones tal-Kremlin.
//= $special ?>