Lokali

Vjolenza domestika: “is-sistema qed tfalli”

L-editorjal tat-Times tefa’ dawl fuq il-fatt illi fl-istess żmien li fih inqatlet Bernice Cassar, kien hemm mara oħra li kienet għaddejja min esperjenza simili ta’ abbuż. U meta din il-mara marret biex tagħmel rapport mal-Pulizija, damet iżjed minn sagħtejn tistenna l-għassa; sakemm qalulha terġa’ tmur l-għada minħabba li kellhom x’jagħmlu.

Meta fl-aħħar ħadulha r-rapport, xorta ma nbidel xejn.

Dan minkejja li r-raġel tagħha kien jhedded kontinwament li hi u t-tfal kienu se jbatu għal ħajjithom kollha.

Skont it-Times, l-aħbar tal-qtil ta’ Bernice Cassar kienet ħasdet mhux ftit lil din il-mara. Bil-vittma tgħid li mhux isir biżejjed biex ikun hemm appoġġ fejn jidħlu każi ta’ vjolenza domestika…filwaqt li tinsisti li s-sitwazzjoni hija “farsa sħiħa”.

L-inkjesta li kienet saret wara l-qtil ta’ Bernice Cassar kienet ikkonkludiet li l-istat falla minħabba n-nuqqas ta’ riżorsi u minħabba l-ammont kbir ta’ xogħol li għandhom il-Pulizija.

L-inkjesta irrimarkat kif fil-prattika xejn ma jsir, u li l-affarijiet jibqgħu għaddejjin kif kienu; avolja hu evidenti li s-sistema mhix qeda taħdem.

L-editur tat-Times jirrimarka li rigward din it-tema tant sensittiva tal-vjolenza domestika tressqu diversi proposti, iżda dawn mhumiex qegħdin jiġu implementati.

Minn naħa l-oħra, jgħid l-editorjal, huwa pożittiv il-fatt li l-Pulizija se jaġġornaw il-proċeduri tagħhom rigward il-vjolenza domestika …u l-għassa ta’ Santa Luċija se tinbidel f’ċentru speċjalizzat.

L-editur jinsisti illi hemm lezzjoni li kulhadd jista jitgħallem mill-każijiet ta’ vjolenza domestika; li s-sistemi għandhom jiġu implementati b’mod immedjat – għaliex il-vittmi li bħalissa għaddejin minn vjolenza domestika jista jkun ma jkunux għadhom magħna u anke għalihom ikun tard wisq.