Lokali

“Aħna se nibqgħu nkunu l-vuċi u t-tarka tal-poplu u ser inkomplu niġġieldu għall-verità” – Bernard Grech

Irridu li Malta tkun il-ġawrha li dejjem kienet”

“Min kien jaf dwar dan is-serq u min baqa’ jipproteġi dan is-serq huwa kompliċi wkoll. Robert Abela huwa parti mill-akbar frodi li seħħ f’pajjiżna iżda baqa’ sal-llum stess jipproteġi dan il-patt imxajtan. Iżda aħna bħala Partit Nazzjonalista se nibqgħu nkunu l-vuċi u t-tarka tal-poplu u ser inkomplu niġġieldu għall-verita.”

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech waqt protesta li saret l-Erbgħa filgħaxija quddiem il-Parlament fil-Belt Valletta bil-għan sabiex il-poplu jsemma’ leħnu kontra d-deal skandaluż tat-tliet sptarijiet. Dan fid-dawl li fl-aħħar ħin kienet żvelata l-aħbar li l-eks Prim Ministru Joseph Muscat irċieva eluf ta’ flus minn konsulenzi mill-VGH u qiegħed jiġi investigat minħabba tranżazzjonijiet suspettużi li jorbtuh mas-serqa tat-tliet sptarijiet.

Fid-diskors tiegħu, Bernard Grech insista li Malta jixirqilha aħjar. “Qegħdin ngħixu ġranet surreali. Dan hu l-mument tal-verita’. Ħaddieħor irid li l-verità tibqà mistura, iżda llum jew għada l-verità titla fil-wiċċ.”

“Il-Maltin u l-Għawdxin ma jifilħux għall-ħniżrijiet li wettqu Joseph Muscat u Robert Abela. Illum fil-mument tal-;prova minflok jitolbuna l-provi, qegħdin iwaħħlu f’xulxin. Hekk jagħmlu l-ħallelin meta jinqabdu,” sostna l-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech irrefera għall-verità li ħadmet tant għaliha l-ġurnalista Daphne Caruana Galizia .. u li għax ħadmet sabiex il-poplu Malti u Għawdxi isir jaf bil-verità u bil-ħadma ta’ Gvern Laburista, spiċċat inqatlet b’karozza bomba f’Ottubru tal-2017.

“Aħna qegħdin hawn sabiex din il-verità ma tintilifx iżda tkompli titla’ f’wiċċ l-ilma, għaliex il-verità hija bħal dik il-pjanta li trid tibqa tieħu ħsieba għax isib min jipprova jaqtaha u jarmija, iżda aħna ma aħnix ser inħalluħ.”

Il-Kap tal-PN saħaq li Gvern Laburista prova jagħlaq ħalq kull min ħaddem qattiegħ għall-verità, billi spiċċa maqtul, mhedded jew irredikolat. “Iżda dan ikompli issaħħaħna mhux ibbezzana. Aħna bħala Partit Nazzjonalista bqajna id waħda, vuċi waħda, arma waħda, l-arma u t-tarka tal-poplu.”

Bernard Grech sellem lill-għaqda Repubblika, Occupy Justice u kull NGO li baqgħat taħdem u tistinka għall-Verita’. “Aħna qegħdin hawn għall-uliedna, għall-pajjiżna. Aħna jixirqilna pajjiż sigur, pajjiż mingħajr impunità, pajjiż fejn il-kummissarju tal-Pulizija u l-AG jagħmlu xogħol u pajjiż fejn l-istituzzjonijiet ta’ pajjiżna jkomplu jaħdmu,” tenna l-Kap tal-PN Bernard Grech.

“It-Tnejn li għadda sirna nafu li s-serqa tal-isptarijiet hija bil-wisq akbar minn 400 miljun ewro, iżda kull min hu involut spiċċa jitfa l-ħtija fuq ħaddieħor.”

“Ma jistax ikun inħallu dawn l-affarijiet jibqgħu għaddejijn .. qisu xejn m’hu xejn. Fl-aħħar ħin sirna nafu kif għaddew il-flus li marru mingħand il-kumpanija Accutor għall-but tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Bil-fatti l-ġodda juru li Accutor kienet fil-fatt VGH Europe… Iżda mhux biss. Illum sirna nafu wkoll li wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Keith Schembri kien hedded lid-Direttur tal-Vitals Ram Tumuluri illi hu seta’ jispiċċa bħalha jekk ma jikkoperax mal-Gvern. Dan kollu juri li l-persuni involuta fl-akbar ħadna u l-akbar serqa minn fuq dahar il-poplu Malti spiccaw iduru għal xulxin .. għax spiċċaw darhom mal-ħajt.”

“Ejjew inwelldu Malta ġdida, ejjew inwelldu Malta nadifa fejn int jista’ jkollok il-futur li tixtieq għalik u għal uliedek. Malta hija bil-wisq għażiża għalina urridu li Malta tkun il-gawrħa li dejjem kienet.”

Preżenti għal din il-protesta kien hemm id-deputati Nazzjonalisti u uffiċjali tal-Partit Nazzjonalista.