Lokali

AĠĠORNATA: Bħal Robert Abela, anke Muscat jispiċċa jattakka lill-ġudikatura

Muscat jgħid li hi biss "montatura"

“Anki jekk inkun waħdi, jien se nara li dawn in-nies jieħdu li ħaqqhom u toħroġ il-verita”.

Din kienet l-ewwel reazzjoni tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat wara dak li ġie żvelat dalgħodu mit-Times u minn The Shift News, illi urew kif għaddew eluf kbar ta’ ewro mingħand Steward Healthcare lejn Accutor – il-kumpanija li ħallset lil Muscat għal “konsulenzi”.

Fuq Facebook, Muscat uża l-istess strateġija tal-Prim Ministru Robert Abela. U attakka lill-ġudikatura.

Hu insista li “fil-gazzetti llum hemm leaks ċari minn dak li qed tagħmel il-Magistrat”.

Joseph Muscat insista li se jagħżel hu fejn iwieġeb għal dak li qed jinkiteb dwaru. “La m’għadnix fil-politika, nagħzel jien fejn u kif inwieġeb.”

B’mod konkret, Muscat fl-ebda ħin ma ċaħad dak li qed ikun rappurtat dwaru minn The Shift u mit-Times of Malta. Għalkemm aktar kmieni mal-MaltaToday hu stqarr illi din l-istorja hija “gidba assoluta” u sejħilha “montatura”.

Muscat qal ukoll li l-Pulizija ma kellmuhx, iżda stqarr li hu ma jibżax li jkun arrestat.

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu għal dak li ġie żvelat dalgħodu, meta kien qed iwieġeb għal numru ta’ mistoqsijiet li sarulu mill-Malta Today, Muscat qal biss li sar frame up fuqu u qal li l-mażunerija hija mdaħħla f’dan il-kumplott.

Huwa fl-ebda ħin ma ta spjegazzjoni għala l-istess kumpanija rċeviet flejjes kbar minn Steward Healthcare, il-kumpanija li xtrat il-konċessjoni tal-isptarijiet mingħand Vitals.