Lokali

“Bil-flus tal-isptarijiet stajna ngħinu lil min hu fil-bżonn” – Roberta Metsola

F’intervista waqt il-programm Net Live, il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet li kienet tistenna reazzjoni immedjata mill-Gvern wara d-deċiżjoni tal-Qorti dwar id-deal tal-isptarijiet u anke wara li issa ħareġ it-tielet rapport tal-Awditur Ġenerali.

L-MEP Maltija qalet li mill-bidu nett, il-messaġġ lill-Gvern kien ċar: tbiegħx l-isptarijiet. U rreferiet għall-kawża li fetaħ Adrian Delia. Hi qalet li l-Partit Nazzjonalista hu impenjat li jibqa jaġixxi fl-interess tal-Maltin u l-Għawdxin kollha.

Il-President Metsola insistiet li d-deċiżjoni tal-Qorti u r-rapport tal-Awditur Ġenerali juru li l-kuntratti la kienu fl-interess tal-ħaddiema tas-saħħa u lanqas tal-pazjenti….u li l-450 miljun ewro, li lanqas jinkludu il-pagi tal-ħaddiema, setgħu jintużaw aħjar.

Il-President Metsola semmiet kif il-Gvern ried jgħaġġel minflok ikollu diskussjoni serja. U qalet li mhux biss għandha tintrefa ir-responsabiltà iżda l-flus kollha li ingħataw iridu jintraddu lura.