Lokali

AĠĠORNATA: Żvelat kif Muscat irċieva flus minn VGH Europe

Qed tissejjaħ “Is-Serqa tal-Isptarijiet”. U l-fatti li ħarġu dalgħodu jkomplu jikkonfermaw r-rabta li hemm bejn il-Labour u din l-akbar frodi.

Is-sit The Shift News u l-ġurnal Times of Malta (wara investigazzjoni li saret flimkien mal-OCCRP) żvelaw kif għaddew il-flus li marru mingħand il-kumpanija Żvizzera Accutor għall-but tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Bil-fatti l-ġodda jorbtu lil Accutor ma’ dik li qabel kienet VGH Europe – kumpanija li kienet intiża biex tespandi l-operat tal-Vitals madwar l-Ewropa.

L-istorja li Muscat kellu jdaħħal eluf minn Accutor bħala konsulenza ħarġet is-sena li għaddiet.

Iżda issa kien konfermat li l-eks Prim Ministru Laburista jinsab taħt investigazzjoni minħabba tranżazzjonijiet suspettużi li jorbtuh mas-serqa tat-tliet sptarijiet.

Muscat dejjem ċaħad li għamel xi ħaġa ħażina. Għalkemm hu stess kien ikkonferma li tħallas għal konsulenzi li ta lil Accutor.

Il-fatti li ġew żvelati illum

Skont investigazzjoni ġurnalistika li saret fl-aħħar xhur, jirriżulta li – fi żmien sena – Steward kienu għaddew nofs miljun ewro lil Accutor Consulting. Dawn huma flus li għaddew bejn Marzu tal-2019 u Jannar 2020; eżatt malli Robert Abela daħal fit-tmexxija ta’ Kastilja.

Ftit tal-ġimgħat wara – f’Marzu 2020 – bdew jgħaddu l-ewwel pagamenti ta’ eluf mingħand Accutor lil Joseph Muscat.

Mistoqsi mit-Times of Malta, Joseph Muscat wieġeb li ma kellux mezzi biex jikkonferma kemm għaddew flus bejn Steward u Accutor – il-kumpanija immexxija minn Wasay Bhatti.

X’qed jagħmel Robert Abela?

It-Times qed tirrapporta wkoll kif il-Kummissaru tal-Pulizija qed iżomm pass lura milli jieħu azzjoni.

Kollox jindika li Angelo Gafà qed jirreżisti milli jmexxi kontra nies bħal Joseph Muscat u Konrad Mizzi (li għamel id-deal mal-Vitals). Dan għaliex il-Kummissarju qed jistenna li tintemm l-inkjesta Maġisterjali li hemm pendenti.

B’sorsi jgħidu wkoll li anke Robert Abela jinsab imbeżża dwar l-eżitu li jistgħu ikollhom fuqu l-arresti ta’ personaġġi prominenti bħal Konrad Mizzi u Joseph Muscat.

Intant, din l-investigazzjoni konġunta bejn il-ġurnalisti Maltin u dawk internazzjonali żvelat kif in-nies tal-Vitals kienu qed jgħixu ħajja ta’ lussu f’pajjiżna – partikolarment Ram Tumuluri.

Ir-records finanzjarji li ġew analizzati juru kif tramite l-kumpanija Bluestone, il-kapijiet ta’ Vitals ħarġu eluf fi spejjes relatati ma’ miżati ta’ skejjel għat-tfal, kontijiet ta’ veterinarji, lukandi, kif ukoll ikliet f’ristoranti.

Mal-OCCRP, Tumuluri insista li dawn il-ħlasijiet kienu ġejjin minn sorsi oħra, u mhux minn fondi pubbliċi.

Mill-investigazzjoni li saret, il-ġurnalisti innutaw flejjes kbar li inġibdu mill-ATMs f’temp ta’ sentejn – ammonti li jaqbżu l-€50,000. Dan apparti abbonamenti ma’ Netflix, kirjiet ta’ karozzi u ħlasijiet f’salons tas-sbuħija.

Dawn l-eluf ittajru b’dan il-mod mill-persuni li kienu jmexxu Vitals, fl-istess waqt li l-isptarijiet tagħna tħallew f’telqa totali u ma sar ebda investiment. Tant li d-deal ġie dikjarat null mill-Qorti wara l-kawża li fetaħ id-deputat Adrian Delia.