F’laqgħa li saret xahrejn wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, Keith Schembri kien hedded lil Tumuluri – id-Direttur tal-Vitals – li hu seta’ jispiċċa bħalha jekk ma jikkoperax mal-Gvern.
Skont it-Times u s-sit The Shift News, Keith Schembri kien ċar ħafna fi kliemu: “Taf xi ġralha Daphne, żgur ma tridx tispiċċa f’dik il-pożizzjoni. Int tridna bħala ħbieb tiegħek, mhux għedewwa”. Dan il-kliem kien intqal mill-eks Chief of Staff ta’ Muscat f’laqgħa li kellu ma’ Ram Tumuluri f’Diċembru tal-2017.
Dan it-theddid fuq Tumuluri jissemma’ wkoll (għalkemm mhux fid-dettall) anke fl-aħħar rapport li ġie ppubblikat mill-NAO. Bi Schembri qed jiċħad dawn l-allegazzjonijiet.
Jidher li dan it-theddid beda malli l-iskandlu tal-isptarijiet tant eskala illi l-personaġġi kollha involuti bdew iduru għal xulxin.
Issa, f’rikors ta’ 500 paġna preżentat lill-Qrati Amerikani, Tumuluri qed jitlob li jingħata l-istatus ta’ whistleblower. Dan minħabba li skont hu, kien qed jirċievi theddid mill-Gvern Laburista u l-esponenti tiegħu. Tumuluri qed jipprova jinsinwa li meta daħlu lil ta’ Steward, dan kien pjan maħdum bizzilla.
Fid-dokument preżentat minnu, l-eks Direttur tal-Vitals jgħid li Schembri kien talbu jittermina l-kuntratt taċ-Chief Legal Officer tal-VGH kif ukoll tal-Uffiċjal għar-Relazzjonijiet Pubbliċi. Dan filwaqt illi ried japponta Chief Financial Officer li ried jagħżlu Schembri direttament. Jekk ma jagħmilx hekk, Keith Schembri kien qed jheddu li jkeċċih mill-pajjiż.
//= $special ?>