Il-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri ikkonfermat sentenza ta’ disa’ snin ħabs mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati fil-konfront ta’ Keven Agbigbi li fl-2020 instab ħati li fl-2019 weġġa’ gravi b’sikkina raġel li dak il-ħin kien fil-preżenza tat-tfajla tiegħu u meta kien sabu fid-dar tiegħu f’San Pawl il-Baħar. Il-ħati appella l-aktar fuq il-fatt li huwa kien qed jiddeffendi lilu nniffsu waqt l-inċident.
Huwa kien instab ħati wkoll li ġarr sikkina mingħajr il-permess tal-Kummissarju tal-Pulizija, li għajjar u hedded lill-vittma u li kiser il-paċi pubblika. L-inċident seħħ fit-13 t’April ta’ erba’ snin ilu għall-ħabta tas-1am x’ħin il-vittma mar fl-appartament ta’ Agbigbi li dejjem kien qed jakkużaha li kienet qed tmur ma’ rġiel oħra waqt li hu kien ikun ix-xogħol.
Il-vittma laqqat daqqa ta’ sikkin f’widintu u oħrajn f’sidru. Il-ħati kien ilmenta, fost l-oħrajn, li l-verżjoni tal-fatti li mxiet fuqhom l-Ewwel Qorti mhix korretta. Qal, li kien il-vittma li ħariġlu sikkina u mhux bil-kontra. Żied jixhed, li l-vittma tah anki daqqa ta’ ponn f’wiċċu tant li tilef sinna u pprova jkaxkru lejn il-gallarija filwaqt li t-tfajla tiegħu tatu daqqa ta’ sikkina f’daru.
Jgħid, li l-vittma tah ukoll daqqa b’banketta. Agbigbi argumenta wkoll li l-Ewwel Qorti ma ħallitux jippreżenta xi recordings u ritratti li skontu jixhdu dak li verament seħħ dakinhar. Sostna, li fil-każ huwa ddefenda ruħu. Għall-Qorti tal-Appell, madankollu, dan mhux każ ta’ self-defence.
Il-Qorti kkonkludiet li l-ġrieħi li sofra l-vittma ma kinux proporzjonali mat-theddida li kien qed jaffaċċja Agbigbi. Lanqas ma jirriżulta li l-vittma kien armat, kif allega Agbigbi. Kien b’hekk, li l-Imħallef ikkonferma s-sentenza tal-Ewwel Qorti.
//= $special ?>