L-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew madwar il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea se jsiru bejn is-6 u d-9 ta’ Ġunju. Dan ifisser li f’Malta – peress li l-elezzjonijiet isiru s-Sibt – il-poplu Malti u Għawdxi se jkun imheġġeġ imur jagħżel is-6 MEPs tiegħu s-Sibt 8 ta’ Ġunju.
Fi tweet fejn ħabret id-dati tal-elezzjonijiet tas-sena id-dieħla, il-President tal-Parlament Ewropew u MEP tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola qalet li d-demokrazija fl-Ewropa hija importanti aktar minn qatt qabel. Kompliet li l-vot ta’ kull persuna hu importanti, u żiedet tgħid li dan hu ċans biex kull persuna tiddeċiedi d-direzzjoni tal-Ewropa għas-snin li ġejjin.
Il-President Metsola saħqet li ma nistgħux nibżgħu mill-bidla. Irridu nibqgħu nisimgħu, nispjegaw u nservu, spjegat l-MEP Maltija. Appellat biex kulħadd jivvota fl-akbar proċess demokratiku fl-Unjoni Ewropea. “Tħallix lil ħaddiehor jiddeċiedi għalik. Oħroġ ivvota,” temmet tgħid il-President tal-istituzzjoni Ewropea.
F’dawn l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ikunu eletti 705 Membri Parlamentari Ewropej. L-elezzjonijiet Ewropej jsiru kull ħames snin. L-aħħar waħda kienet f’Mejju tal-2019.
//= $special ?>