Internazzjonali

L-Għarqa tat-Titanic: Mudell 3-D li jista’ jitfa’ dawl ġdid fuq iċ-ċirkustanzi traġiċi

Il-bastiment tal-passiġġieri Titanic, li, f’April tal-1912, għereq f’ċirkustanzi traġiċi li baqgħu jissemmew minn ġenerazzjoni għall-oħra, qed ikun preżentat, għall-ewwel darba, b’sistema ta’ 3D u li jippermetti biex il-fdalijiet jidhru minn kull angolu, daqslikieku milhomx aktar minn 100 sena fil-qigħ ta’ l-Oċean Atlantiku.

Is-scan diġitali uniku u ‘full size’ tat-Titanic sar possibbli bil-proċess ta’ deep sea mapping u hemm tamiet li l-analiżi tal-fdalijiet minn kull angolu tixħet dawl ġdid fuq x’seta seħħ eżattament fil-jum fatali meta t-Titanic laqat massa ta’ silġ (iceberg) waqt l-ewwel vjaġġ tiegħu mill-port Ingliż ta’ Southampton lejn New York, fl-Istati Uniti.

L-analisti dwar dak kullu relatat mal-istorja tat-Titanic qablu li sallum fadal il-mistoqsijiet bażiċi dwar il-bastiment u li ma ngħataw qatt tweġiba kredibbli.

Għaldaqstant, l-esperti jemmnu li l-mudell 3-D tat-Titanic hu pass kbir ‘il quddiem biex id-dinja ssir taf il-vera storja dwar l-għarqa…Storja  li tibbaża ħafna aktar fuq ir-riċerka u l-provi milli mewġa ta’ spekulazzjoni.