Internazzjonali

L-istorja kważi tirrepeti ruħha…Harry u Meghan ‘viċin ta’ katastrofi’ huma u jaħarbu mill-paparazzi

Il-Prinċep Harry tal-Ingilterra, martu Meghan u ommha kienu involuti f’sitwazzjoni li kważi switilhom ħajjithom…Dan waqt li huma kienu qed jippruvaw jaħarbu lill-paparazzi li damu sagħtejn isegwuhom bil-karozza u wara li Harry u Meghan (id-Duka u d-Dukessa ta’ Sussex) kienu attendew ċerimonja għall-premjazzjonijiet fi New York.

Jidher li l-paparazzi kienu mija-fil-mija konċentrati biex ‘jaqbdu’ lil Harry u Meghan bil-ħsieb li jiġbdu r-ritratti esklussivi – bl-inċident ifakkar fit-traġedja ta’ Awwissu tal-1997, meta omm Harry, il-Prinċipessa Diana ta’ Wales, tilfet ħajjitha f’Pariġi wara li l-karozza li kienet qed tivvjaġġa fiha ħabtet direttament mal-ħajt ta’ mina fil-kapitali Franċiża…Dan ukoll meta l-karozza ta’ Diana kienet qed tkun segwita mill-paparazzi rekbin fuq il-muturi.

Is-sitwazzjoni ta’ Harry u Meghan kienet anki xokkanti għaliex il-paparazzi li kienu qed jiġru warajhhom kemm-il darba waslu qrib li jaħbtu ma’ karozzi oħrajn  fost il-periklu immedjat għan-nies mexjin fuq il-bankini u anki l-uffiċjali tal-pulizija li nzertaw tul ir-rotta.

U filwaqt li d-dettalji għadhom deħlin ftit hemm dubju li l-paparazzi involuti ‘kienu qegħdin jaqgħu u jqumu’ mill-effetti potenzjalment traġiċi ta’ din it-tellieqa.

L-uffiċjali man-New York Police Department (NYPD) ma ħarġu l-ebda stqarrija dwar l-inċident u għalissa ma daħlu l-ebda rapporti dwar xi midruba – wisq anqas l-arresti dovuti għall-azzjonijiet tal-paparazzi.