Mewġa ta’ maltemp estrem li laqat ir-reġjun ta’ Emilia-Romagna irriżultat fatali għal talanqas tmien persuni – bil-vittmi x’aktarx li jiżdiedu fis-sigħat u l-jiem li ġejjin.
L-awtoritajiet lokali żvelaw li l-maġġoranza tal-vittmi mietu mgħarrqin b’kaġun tal-għargħar li faqa’ l-art fid-diversi żoni ta’ Firenze u diversi bliet oħrajn tar-reġjun.
Stefano Bonaccini, il-Gvernatur ta’ Emilia-Romagna, esprima l-kondoljanzi lill-qraba tal-vittmi waqt li kienu għaddejjin il-miżuri kollha ta’ emerġenza intiżi biex isalvaw il-ħajja tan-nies.
Bonaccini qal li ħafna residenti kienu evakwati minn djarhom minħabba ċ-ċirkustanzi u bħala prekawzjoni. Dawn kienu jinkludu 3,000 resident ta’ Bologna, 5,000 resident ta’ Firenza u 5,000 oħra li qed jgħixu fil-provinċja ta’ Ravenna.
Dan waqt li fl-aħħar sigħat kienet għaddejja tfittxija għall-persuni rappurati nieqsa f’dawk l-ibliet, kif ukoll fl-ibliet ta’ Cesena, Piacenza u Modena.
L-evakwazzjonijiet, sadanittant, mistennija jiżdiedu, bis-sitwazzjoni tat-temp, fl-Italja. tibqa’ imprevedibbli.
L-uffiċjali għas-sitwazzjonijiet ta’ emerġenza li analizzaw l-iżviluppi qablu li ħafna mill-ħsarat tal-maltemp irriżultaw qalb il-kampanja kif ukoll fl-ibnadi iżolati tar-reġjun.
L-awtoritajiet f’Emilia-Romagna, fl-aħħar sigħat, ammettew ukoll dwar sitwazzjonijiet fejn il-ħidma tas-salvataġġ kienet qed tħabbat mal-problemi u d-diffikultajiet kbar b’riżutat taċ-ċirkustanzi perikolużi dovuti għall-maltemp.
Dan ukoll waqt li rrankat it-tfittxija għal ammont ta’ persuni irrappurtati nieqsa u li kienu dehru l-aħħar matul is-sigħat ta’ qabel il-maltempata.
L-aħħar mewġa tal-maltemp kompliet tiggrava s-sitwazzjoni fir-reġjun ta’ Emilia-Romagna fejn ix-xita qalila ilha nieża għal diversi jiem mingħajr waqfien.
//= $special ?>