Fl-Etihad Stadium Manchester City għamluha għat-tieni finali tagħhom fil-UEFA Champions League meta għelbu liċ-champions Real Madrid bl-iskor ta’ 4-0, biex għaddew bi skor aggregate ta’ 5-1. Fl-ewwel taqsima dominanza assoluta minn Manchester City. Fit-13-il minuta l-ewwel okkażjoni ta’ skor għal Man City meta Jack Grealish sab lil Erling Haaland li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu salvata minn Thibaut Courtois.
Fil-21 minuta f’azzjoni kważi indentika kien Akanji li bir-ras għadda lejn Haaland li għal darba ra d-daqqa ta’ ras tiegħu salvata b’mod spettakolari minn Thibaut Courtois. Biex fit-23 Man City jmorriu fil-vantaġġ meta Kevin De Bruyne sab lil Bernardo Silva, li b’konklużjoni preċiża għeleb lil Belġjan għal 1-0.
Man City rdoppjaw fis-37 minuta meta t-tentattiv ta’ Ilkay Gundogan kien salvat, biex mit-tieni tentattiv reġa’ kien Bernardo Silva li bil-kalma kollha xeħet bir-ras fix-xibka għal 2-0. It-tim immexxi minn Pep Guardiola skorjaw t-tielet gowl fis-76 minuta meta din id-darba kien Eder Militao li tefa’ l-ballun fil-lasta tiegħu stess għal 3-0. Fil-91 minuta Man City skorjaw ir-raba’ gowl tagħhom meta s-sostitut Phil Foden għadda lejn Julian Alvarez, bl-Arġentin jixħet fix-xibka għal 4-0.
Ilbieraħ: Inter v Milan 1-0 (3-0)
Ilum: Man City v R.Madrid 4-0 (5-1)