Lokali

‘Min se jerfa’ r-responsabbiltà għas-serqa tal-Isptarijiet?’ – Bernard Grech

‘Min se jerfa’ r-responsabbiltà għas-serqa tal-Isptarijiet? Għaliex dan is-silenżju?’

Staqsa dan il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Erbgħa wara nofsinhar tkellem fil-Parlament wara dak li ħareġ aktar kmieni illum b’rabta mad-deals frawdolenti tat-tliet sptarijiet. Bernard Grech sostna li għandna Ministri u Prim Ministru assenti .. li spiċċaw jaħarbu l-media u għadhom ma tkellmux dwar l-aħħar aħbarijiet li ġew żvelati fl-aħħar sigħat. “Għaliex dan is-skiet totali mill-Gvern imexxi minn Robert Abela?”

Dan hekk kif ġie żvelat li l-kumpanija Żvizzera Accutor għaddiet eluf ta’ flus fil-but tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Bil-fatti l-ġodda jorbtu lil Accutor ma’ dik li qabel kienet VGH Europe – kumpanija li kienet intiża biex tespandi l-operat tal-Vitals madwar l-Ewropa. Ġie kkonfermat ukoll li l-eks Prim Ministru Laburista jinsab taħt investigazzjoni minħabba tranżazzjonijiet suspettużi li jorbtuh mas-serqa tat-tliet sptarijiet.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech saħaq li permezz ta’ din l-aħbar, issa l-poplu sar jaf aħjar għaliex il-Prim Ministru Robert Abela kien u għadu qed jiddefendi d-deal korrott li ġie ffirmat mill-Gvern Laburista.. B’Muscat daħħal b’kollox fil-but tiegħu man-nofs miljun ewro f’konsulenzi.

Joseph Muscat ħa kważi nofs miljun ewro minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi – Road Map tal-mistħija, road map tal-ħniżrija,” tenna Bernard Grech.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saħaq li kieku Partit Nazzjonalista kien fil-Gvern fl-aħħar għaxar snin, kieku ma kienx ikun kompliċi mal-frodisti li serqu l-miljuni minn fuq dahar il-poplu Malti u Għawdxi wkoll.

Ftit tal-ġimgħat ilu sira nafu li erbgħa snin ilu, ħafna nies fil-Gvern kienu qed jitħanżru u huwa bir-raġun – Joseph Muscat kien qed jitħanżer u baqa’ jiħanżer anka wara li spiċċa minn Prim Ministru. Mhux ta’ b’xejn kellu bżonn lil Robert Abela bħala kontinwita’ tiegħu u puppazz tiegħu ħalli jagħmel eżatt kif irid hu. Iżda Robert Abela ma kienx vittma f’dan kollu għaliex fl-2020 kien jaf b’li għaddej … u b’konvinżjoni sħiħa baqa’ jiddefendi da id-deal korrot u “l-akbar frodi li qatt seħħ f’pajjiżna”, saħaq Bernard Grech

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech qal li dak kollu li ġie żvelata fl-aħħar hin ikkonfermaw kemm il-Gvern ta’ Joseph Muscat u Robert Abela huwa Gvern li kien ħaġa waħda ma’ dawk li għamlu frodi fuq il-poplu Malti.

“Robert Abela qiegħed izomm l-istituzzjonijiet milli jaħdmu, u qiegħed ukoll jorbot idejn l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija milli jwettqu dmirhom.” Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista pretenda li wara li ngħatat is-sentenza tal-Qorti kienu se jaraw xi riżultati. Madanakollu s’issa ma nbdew ebda investigazzjonijiet.

“Joseph Muscat qalilna mhux jien, Konrad Mizzi qalilna mhux jien, Chris Fearne jgħidilna mhux jien …. Tiskanta l-Qorti tikkundanna l-akbar serqa li pajjiżna qatt esperjenża u kull min kien involut kulħadd spiċċa jwaħħal f’denbu. Għalhekk tliftu l-kredibbiltà. Għalhekk m’hu jemmnikom ħadd.”

Bernard Grech fakkar, li taħt Robert Abela, Vitals u Steward ħadu mal-280 miljun ewro – flus li sippost marru għall-investiment fis-saħħa ta’ pajjiżna, intefqu fix-xalar, hotels fost oħrajn.

“Immiskom tistħu. Kollha kemm intkom ivvutajtu fil-budget li għadda sabiex Steward jingħataw aktar flus, minkejja r-rapporti fil-gazetti, iz-zewg rapporti tal-Awditur Ġenerali u minkejja l-każ li kien għaddej fil-Qorti. Inthom sraqtu l-investiment fis-settur tas-saħħa, sraqtu lill-poplu Malti u Għawdxi kollu u l-verità qed tħammrilkom wiċċkom ilkoll.”

Intant, fl-aħħar ħin ġie żvelat wkoll kif Tumuluri – id-Direttur tal-Vitals, kien mhedded mill-eks Chief of Staff ta’ Muscat Keith Schembri xahrejn wara l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Skont it-Times u s-sit The Shift News, Keith Schembri heddu b’dan il-mod; “Taf xi ġralha Daphne, żgur ma tridx tispiċċa f’dik il-pożizzjoni. Int tridna bħala ħbieb tiegħek, mhux għedewwa”. Dan il-kliem kien intqal mill-eks Chief of Staff ta’ Muscat f’laqgħa li kellu ma’ Ram Tumuluri f’Diċembru tal-2017, wara li ħareġ fid-deher l-iskandlu tal-isptarijiet …. fejn tant eskala, illi l-personaġġi kollha involuti bdew iduru għal xulxin.