Raġel ta’ 42 sena minn San Ġwann ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstab ħati li ta n-nar karozza fil-Għargħur. Minbarra sentenza sospiża l-qorti preseduta mill-Maġistrat Joe Mifsud ordnatlu jħallas €9,500 lil sidha u kellu l-karozza li uża fir-reat ikkonfiskata u mgħoddija lill-istat.
Il-prosekuzzjoni qalet fil-Qorti li kienet mart il-ħati li ġiet arrestata l-ewwel għax il-karozza kienet irreġistrata fuqha. Neville Mifsud, kien instab ħati li fil-lejl ta’ bejn it-3 u l-4 ta’ Frar qabbad karozza Mazda Demio. Mill-investigazzjonijiet tal-Pulizija ħareġ li fuq il-post dakinhar tar-reat kien hemm karozza tal-għamla Smart.
Meta l-Pulizija daħlet fis-sistema tagħha rriżulta li din kienet irreġistrata fuq mart l-akkużat. Hi fil-fatt spiċċat arrestata u qaltilhom li l-karozza kien jużaha wkoll żewġha. Il-mara kienet qalet lill-Pulizija li dakinhar tar-reat ir-raġel tagħha kien xogħol, il-kumpanija li magħha kien jaħdem qalet li ma kienx.
Waqt l-interrogazzjoni l-akkużat ċaħad li kellu x’jaqsam u għalkemm qalilhom li dakinhar kien mar għax-xogħol, dan iżda ma rriżultax. Il-vittma qal lill-Qorti li kien sema’ splużjoni fuq barra u ra fjamma nar. Huwa qal li kienu l-ġirien li qalulu li kellu l-karozza taqbad. Qal li ra l-cameras tas-CCTV u lemaħ persuna li ma jafhiex tqabbadlu l-karozza.
Il-Maġistrat Mifsud qal li mill-filmati ħareġ li l-imputat u l-vettura tiegħu kien fl-inħawi ta’ fejn inħarqet il-karozza. Qal li mill-filmati deher li l-karozza tal-akkużat sarulha bosta modifiki u għalhekk setgħet tiġi identifikata. Qal ukoll li fil-filmati, il-karozza tidher iddur diversi toroq qabel sabet parkeġġ u ma dehritx ħierġa minn triq viċin dik li fiha nħarqet il-karozza tal-vittma qabel l-istess ħruq waqt li ma dehrux karozzi oħra għaddejjin.
Mid-dar ta’ Mifsud kienu elevati ħwejjeġ identiċi għal dawk li dehru fil-filmat waqt li semma kif kien hemm diversi diverġenzi fil-verżjonijiet li ta l-akkużat fosthom meta qal li mar ħdejn il-post tax-xogħol meta mill-kameras tas-sigurtà dan ma rriżultax.
Il-Qorti rriflettiet fit-tul dwar il-piena u ipprovat toħloq bilanc fil-piena. “L-ehfef triq ghal Qorti hi li timponi priġunerija u tieqaf hemm. Każijiet bhal dawn li instab ħati ghalihom l-imputat joħolqu alarm fost il- komunità għaliex ma tkunx taf min hi l-id moħbija li waslet għal ħruq tal- vettura tal-vittma.
“Ghalhekk il-Qorti filwaqt li se timponi piena ta’ priġunerija se tara li din tkun waħda sospiża ħalli l-ħati jkun jista’ jhallas lill-vittma tad-danni u anke l-istat jieħu xi ħaġa lura permezz tal-konfiska tal-vettura li biha twettaq ir-reat. Il-Qorti tifhem li jkun hemm ċertu kritika meta tingħata sentenza sospiża iżda wieħed ma jistax jiġġeneralizza għax biex titwettaq ġustizzja trid tara ċ-ċirkostanzi kollha li jkunu żviluppaw u jinstema’ ukoll leħen il-vittma u s-soċjetà”, qal il-Maġistrat Mifsud. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jeffrey Scicluna u Mario Xiberras li investigaw il-każ.