Żagħżugħ ta’ 24 sena mill-Mali ġie kundannat erba’ snin ħabs mill-Maġistrat Nadine Lia wara li ammeta li seraq għadd ta’ ġojjelli, flus kontanti u apparat elettroniku minn residenza fis-Swieqi. Mahamadou Fofana ta’ 24 sena li jogħod il-Fgura ammetta l-akkużi miġjubin kontrih mill-prosekuzzjoni.
Huwa ammetta li wettaq dan is-serq f’Novembru, 2020 fejn irriżulta wkoll li kien fil-pussess tad-droga cannabis li ma kinitx għall-użu esklussiv tiegħu u li sar reċidiv. Għall-ewwel kien wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjubin kontrih iżda f’Marzu li għadda ammetta.
Mill-kondotta rriżulta li ż-żagħżugħ kellu diversi sentenzi relatati ma’ serq. Meta ġiet biex tagħti l-piena l-Qorti qieset il-fatt li ammetta sentejn u nofs wara li beda l-każ meta l-prosekuzzjoni kienet għadha ma laħħqitx għalqet il-provi tagħha iżda kienu nstemgħu l-maġġoranza tax-xhieda, fosthom tal-prosekuzzjoni. Għalhekk huwa ma ammettiex fi stadju bikri tal-proċeduri.
Il-Maġistrat Lia qieset ukoll il-fatt wettaq dawn ir-reati waqt li kien fuq probation u li wettaq is-serq meta kien fil-pussess tad-droga. Fis-sentenza tagħha, l-Qorti qalet li trid tara l-aspett riformattiv tal-imputat iżda wkoll trid issib bilanċ bejn il-gravità tal-każ u l-ħarsien tal-vittmi u tas-soċjetà inġenerali. Minbarra erba’ snin ħabs huwa ġie mmultat €200 u ordnat iħallas €688 fi spejjeż tal-Qorti. Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Cassar.
//= $special ?>