Falliment tal-mistħija – editorjal li ħareġ b’saħħtu kontra l-abbuż tal-poter u l-falliment tal-Gvern ta’ Robert Abela.
Il-ġurnal Times of Malta, fil-ħarġa tal-Ħamis, ifakkarna fil-lista ta’ personaġġi li kienu involuti fis-serqa tal-isptarijiet; mill-eks Ministru Konrad Mizzi għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat, u l-ħabi u l-kontinwità tal-Prim Ministru Robert Abela – kollha nvoluti fid-deal skandaluż tat-tliet sptarijiet li ġie jiswa’ lil pajjiżna aktar milli qatt ħsibna… b’€400 miljun li, weħidhom, marru għand Vitals u Steward Health Care. Flus li ma jinkludux il-pagi tal-ħaddiema, kif kien jgħid Robert Abela.
L-Editorjal jistqarr illi filwaqt li l-kawża fil-Qorti għadha trid tinqata’… huwa ċar li membri fi ħdan il-Gvern Laburista abbużaw mill-poter tagħhom tant li tajjru it-taxxi tal-Maltin u l-Għawdxin, minflok użaw dawn il-flus għal settur tas-saħħa iktar b’saħħtu.
U fid-dawl ta’ dan, l-ebda persuna ma resqet ‘il quddiem u refgħet ir-responsabbiltà ta’ dak li seħħ, b’uħud mill-ministri li kienu qed iservu taħt il-Gvern ta’ Joseph Muscat u li vvutaw favur dan id-deal skandaluż, għadhom sal-ġurnata tal-lum iservu fil-Gvern ta’ Robert Abela.
L-editur tat-Times ifakkar illi ma sar xejn mill-Prim Ministru nnifsu biex jindirizza dak kollu li ġie żvelat fl-aħħar jiem… bin-nies ftit li xejn għadhom jafdaw il-kredibiltà ta’ Abela u sħabu.
L-Editorjal jgħalaq billi jfakkar li huwa d-dmir ta’ Robert Abela li jassigura li dawk kollha nvoluti fid-deal skandaluż tat-tliet sptarijiet, jinżammu responsabbli u jittieħdu l-azzjonijiet meħtieġa. Jekk ma jsirx hekk, id-deal tal-isptarijiet se jibqa’ jaffetwa b’mod negattiv lill-istituzzjonijiet kollha ta’ pajjiżna.
//= $special ?>